Elezzjoni Kap PN Lokali

“L-Awtorità tax-Xandir ma tistax tħalli lil min ikompli jikser il-Kostituzzjoni” – Frank Portelli

“L-Awtorità tax-Xandir ma tistax tħalli lil min ikompli jikser il-Kostituzzjoni”. Qal dan il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Frank Portelli, f’filmat li xxandar fuq il-media soċjali.

Frank Portelli rrefera għal każ fejn ġurnalist fuq ix-xandir tal-istat iddikjara li se jivvota kontra l-Partit Nazzjonalista, bi ksur tal-prinċipju tal-imparzjalità mistennija mix-xandir pubbliku.

“Ix-xandir pubbliku jaqa’ taħt l-Awtorità tax-Xandir biex ikun hemm il-bilanċ” qal Frank Portelli fil-filmat, li żied li l-Awtorità tax-Xandir titħallas mit-taxxi biex jinżamm il-bilanċ.

Żied li qed jitkellem f’isem il-135,000 persuna li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista, waqt li saħaq li l-Awtorità tax-Xandir ma tistax tħalli lil min ikompli jikser il-Kostituzzjoni.

Frank Portelli spjega li l-Awtorità tax-Xandir għandha tassigura li l-Kostituzzjoni ma tinkisirx, u dan billi fuq ix-xandir pubbliku tinżamm l-imparzjalità u l-bilanċ.