L-organizzaturi l-Ungerija se jilagħbu kontra l-Greċja filwaqt li s-Serbja se jaffrontaw lill-Kroazja fis-semifinali tal-Waterpolo tal-irġiel wara li l-erba’ timijiet għaddew mal-aħħar erbgħa t-Tlieta.
L-Ungerija żammew it-tamiet ħajja li jirbħu f’darhom b’rebħa tajba ta’ 14-5 fuq ir-Russja. Għat-tim ta’ Tamas Marcz spikka Norbert Hosnyanszky awtur ta’ erba’ gowls, bir-Russja jidħlu ftit fil-logħba fit-tielet sessjoni bi tliet gowls.
Il-Kroazja għelbu lit-tim Taljan 12-9 fl-aħħar logħba tal-ġurnata li ntlagħbet filgħaxija. Logħba missielta li sa madwar żewġ minuti mit-tmiem kien 10-9, iżda l-Kroati għarfu jiddefendu tajjeb u għalqu l-logħba, bil-captain Sandro Sukno u Javier Garcia Gadea jispikkaw b’erba’ gowls kull wieħed.
Il-Greċja wkoll kisbu rebħa impressjonanti meta għelbu lil Montenegro 12-7 fil-logħba ta’ wara nofsinhar. Il-Greċja kellhom bidu tajjeb u rebħu l-ewwel sessjoni 4-0, vantaġġ li kkonsolidawh u daħlu jistrieħu 6-2. Il-Greċja għalqu l-logħba meta daħlu għall-aħħar sessjoni 10-3 minn fuq. Il-Grieg Ioannis Fountoulis skorja erba’ gowls oħra biex tella’ t-total għal 18-il gowl.
Iċ-Champions renjanti s-Serbja ftit sabu diffikultà biex għelbu lit-tim nazzjonali Awstraljan 15-5. Is-Serbi ma kinux se jkunu l-unika tim li jirbaħ il-grupp u ma jikkwalifikax, kontra tim żagħżugħ u b’anqas esperjenza.
Fir-rawnd biex jiġi determinat minn se jispiċċa bejn id-disa’ u t-tnax-il post, il-Ġappun għelbu lit-tim Brażiljan 9-7, Spanja għelbu b’faċilità lil Każakistan 16-8 b’Alberto Barroso jiskorja ħames gowls għall-Ispanjoli.
F’logħbiet li ntlagħbu filgħodu, il-Kanada għelbu lill-Afrika ta’ Isfel 9-6 biex spiċċaw fil-15-il post, filwaqt li l-Istati Uniti kellhom jikkuntentaw bit-13-il post b’rebħa ta 11-8 fuq Franza.
Logħob għal għada
Għal 11-il post
Brażil v Każakistan 10.30am
Għad-disa’ post
Ġappun v Spanja 2.00pm
Bejn il-5 u t-8 post
Montenegro v Russja 1.30pm
Awstralja v Italja 3.00pm
Semifinali
Greċja v Ungerija 8.35pm
Serbja v Kroazja 10.00pm
//= $special ?>

