Il-manager ta’ Manchester Utd Jose Mourinho qal li t-tim tiegħu hu attrazzat aħjar biex fl-istaġun li ġej jisfida għar-rebħ tal-Premiership imma fl-istess waqt ammetta li Man Utd għad m’għandhomx skwadra b’saħħitha biżżejjed biex ikunu meqjusa bħala favoriti fiċ-Champions League.
Fl-istaġun li għadda Man Utd spiċċaw fis-sitt post fil-Premiership imma xorta waħda ikkwalifikaw għaċ-Champions League wara li f’Mejju li għadda rebħu l-Europa League. Fl-istaġun li għadda Manchester Utd rebħu anke l-League Cup.
Sa issa r-Red Devils akkwistaw lil Romelu Lukaku u lil Victor Lindelof u nhar is-Sibt li għadda l-istess Mourinho lmenta mad-diriġenza qal li se ‘jkollu jikkuntenta’ bi tliet akkwisti minflok b’erbgħa li xtaq.
Mourinho jixtieq li l-klabb jakkwista lil Ivan Perisic mingħand Inter u lil Nemanja Matic mingħand Chelsea imma jidher li Man Utd se jakkwistaw wieħed biss minn dawn it-tnejn.
Barra minn hekk fl-istaġun li jmiss Man Utd se jkollhom jgħaddu mingħajr l-attakkant Zlatan Ibrahimovic wara li l-klabb ma ġeddidlux il-kuntratt. Ibrahimovic kien iffirma kuntratt ta’ sena ma’ Man Utd imma weġġa’ serjament lejn tmiem l-istaġun u mistenni jdum barra mill-azzjoni sa tmiem din is-sena.
Filwaqt li Man Utd ma ġeddulux il-kuntratt hemm spekulazzjonijiet li dawn jistgħu joffrulu kuntratt ġdid f’Jannar li ġej.
“Wara li ntemm l-istaġun tlabt lid-diriġenza erba’ plejers imma minħabba li aħna klabb li ma jixtri plejer wara l-ieħor se jkolli nċedi u nikkuntenta bi tlieta. Aħna m’aħniex klabb li lesti nħallsu dak li qed jitolbu l-klabbs l-oħra u b’hekk irridu naraw kif nadattaw,” qal Mourinho.
Jiem wara dawn il-kummenti Mourinho tkellem b’ton aktar pożittiv fejn qal, “Manchester Utd għandhom skwadra tajba biex jisfidaw għall-Premiership Ingliż, iżda rridu nkunu ħafna aħjar biex nisfidaw għaċ-Champions League.”
Mourinho qal li Man Utd għad jonqoshom midfielder u winger biex ikunu kompluti f’kull dipartiment.
“Meta fl-istaġun li għadda ikkompetejna fl-Europa League konna wieħed mit-timijiet favoriti. Issa se nikkompetu f’kompetizzjoni li fiha mhux se nkunu favoriti.”
Plejer ieħor li mhux se jkun ma’ Man Utd fl-istaġun li ġej hu l-attakkant Wayne Rooney li ngħaqad ma’ Everton u issa se jkun il-midfielder Michael Carrick li se jilbes il-faxxa ta’ captain.
Bailly sospiż
Man Utd ħadu l-aħbar ħażina li d-difensur Eric Bailly se jkun sospiż għall-finali tal-UEFA Super Cup fit-8 ta’ Awwissu kontra Real Madrid. Dan wara li l-UEFA tat sospensjoni ta’ tliet partiti lill-plejer li tkeċċa fit-tieni leg tas-semifinali tal-Europa League kontra Celta Vigo.
Riżultat ta’ dan Bailly se jitlef anke l-ewwel logħba mill-fażi tal-gruppi taċ-Champions League.
//= $special ?>