Wara l-ħruġ, aktar kmieni llum, tad-dikjarazzjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia li laqa’ t-talbiet biex issir Investigazzjoni Kriminali fil-konfront ta’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u Konrad Mizzi, il-Ministru favorit ta’ Joseph Muscat dwar każi ta’ ħasil ta’ flus, il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said sostna li jixtieq jenfasizza u jġedded il-pożizzjoni tiegħu li kienet dejjem waħda konsistenti ma’ dik li ħa l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, iġifiri li nqumu u naġixxu b’saħħa favur dak li hu ġust, sew u tajjeb.
Chris Said sostna li d-deċiżjoni tal-Maġistrat tati raġun lill-azzjonijiet li ħadu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u Jason Azzopardi, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja u d-Demokrazija, li kixfu n-nuqqasijiet flagranti fir-rigward tas-Saltna tal-Liġi u t-trasparenza, l-onestà u l-osservazzjoni tal-liġijiet ta’ pajjiżna minn dawk li huma l-eqreb ta’ Joseph Muscat.
Dawn ma kienux u ma humiex azzjonijiet mibnija u bażati fuq il-konvenjenza, u anqas kienu jew huma maħsuba biex jagħtu xi vantaġġ politiku lill-Oppożizzjoni. Chris Said żied jgħid li l-pożizzjoni ta’ Simon Busuttil fuq din il-kwistjoni kienet waħda identika għal dik tiegħu – dik li aħna mhux lesti li inċedu jew li nħallu lil min jipprova jagħlqilna ħalqna jew isikkitna milli naġixxu quddiem sitwazzjonijiet tal-mistħija bħal dawn.
Chris Said sostna li d-doveri tagħna bħala Rappreżentanti tal-poplu Malti u Għawdxi huma li nassiguraw li lliġijiet ta’ pajjiżna jkunu osservati minn kulħadd u applikati ndaqs għal kull ċittadin… hu min hu.
Id-deċiżjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia, sostna Chris Said, tikkonferma li dak li għamlu Simon Busuttil u Jason Azzopardi kien aktar milli meħtieġ biex il-maniġġji u l-manuvri kriminali li twettqu minn kriminali f’Kastilja ma jindifnux u anqas jinħbew jew jintesew, anzi jkunu investigati kriminalment bl-akbar serjetà kif titlob il-ġustizzja.
Il-Kandidat għall-Elezzjoni ta’ Kap tal-PN, Chris Said sostna li hu qatt mhu se jagħlaq xi għajn quddiem sitwazzjonijiet ta’ ksur tal-Liġi, irrispettivament minn min jagħmel il-ksur tal-Liġi. Iffaċċjat minn ċirkustanzi simili, Chris Said żied jgħid li se jqum u joħroġ għonqu favur dak li hu ġust, sew u tajjeb.
Chris Said temm jgħid li dan hu l-mod kif hu, fil-karriera pubblika tiegħu, dejjem aġixxa fil-politika u hekk determinat li jkompli jagħmel, fosthom jekk inkun elett bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>