Partit magħqud li bil-ħidma ta’ kulħadd jasal għar-rebħa. Dan kien il-messaġġ ta’ kuraġġ u ta’ determinazzjoni li kien fil-qofol tal-intervent li Alex Perici Calascione kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel waqt il-programm Newsdesk li xxandar it-Tlieta fuq Radio 101.
Huwa tkellem dwar l-importanza li l-Parit jimxi minn issa ‘l quddiem b’ħidma li tkun mibnija l-ewwel u qabel kollox fuq l-għaqda interna; fuq il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fl-istrutturi tal-Partit; u fuq għarfien ċar ta’ fejn hi s-soċjeta’ Maltija u Għawdxija illum u fejn hu mistenni li tkun fiż-żmien li ġej.
Alex Perici Calascione sostna li b’hekk tkun tista titfassal politika rilevanti; attwali u effettiva. Din il-viżjoni tkun il-pedament tat-tmexxija ta’ Alex Perici Calascione fil-Partit u ta’ Pjan ta’ Rebħa li jwassal mill-ġdid lill-Partit fejn jixraqlu li jkun. Dan ukoll għaliex, bħal ma dejjem ġara, dan ikun ifisser ġid għall-istess pajjiż.
Alex Perici Calascione fisser il-pjanijiet tiegħu għal dik li hi l-organizzazzjoni u l-istrutturi tal-Partit. Hu sostna li dawn se jiġu diskussi mal-oqsma u mal-Kunsilliera tal-Partit li kollha huma mistedna biex jagħtu l-kontribut tagħhom.
Alex Perici Calascione fisser li l-ħidma ta’ l-Oppożizzjoni li għandha tkun deċiża, bla tlaqliq, bla biża’ u bla dewmien fejn ma hemmx qbil u fejn jinħtieġ li l-Gvern jinkixef u jinżamm responsabbli għal għemilu. Fl-istess waqt, kull proposta tajba għandha mhux sempliċiment tiġi aċċettata imma għandna naraw kif inkunu aħna stess li ntejbuha.
B’hekk ukoll sostna Alex Perici Calascione, il-Partit Nazzjonalista għandu jaħdem ħafna sabiex l-aġenda ikun hu li jpoġġiha ‘l quddiem – bil-ħsieb, b’kuraġġ, bis-saħħa u bir-riżorsi kollha li għandu – mhux jispiċċa jirreaġixxi għal dak li jagħmel ħaddiehor.
//= $special ?>