Ippubblikata l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali tal-ECJ dwar il-kawża tal-KE kontra Malta…l-arranġamenti attwali tal-insib Malta mhix qed tonora l-obbligi tagħha skont il-liġi tal-UE
Il-Gvern isostni li se jieħu d-deċiżjoni meta jingħata l-verdett finali
BirdLife Malta tilqa’ b’sodisfazzjon l-Opinjoni li ġiet ippubblikata fil-Lussemburgu minn Eleanor V. E. Sharpston, Avukat Ġenerali fil-Qorti Ewropea tal- Ġustizzja (ECJ), b’rabta mal-Proċeduri ta’ Ksur li nbdew mill-Kummissjoni Ewropea (KE) kontra Malta u li wasslu biex f’Ottubru 2015 il-Kummissjoni ħadet lill-Gvern Malti l-Qorti Ewropea fuq l-insib ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana.
Fiu stqarrija Boirdlife qalet li r-rakkomandazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, li issa jridu jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li mistennija tasal għall-verdett finali tagħha aktar tard din is-sena, jistgħu jfissru pass ieħor lejn it-tmiem tal-insib għallgħasafar tal-għana f’Malta.
Fil-konklużjoni tal-Opinjoni tagħha, l-Avukat Ġenerali(AĠ) tiddikjara li l-Qorti għandha tiddeċiedi li bil-ftuħ ta’ staġun tal-insib għall-għasafar tal-għana, huwa ċar li r’Repubblika ta’ Malta naqset milli tonora l-obbligi tagħha li timxi mad-Direttiva dwar l-Għasafar Selvaġġi tal-UE.
L-Avukat Ġenerali kompliet li hi “kompletament konvinta li l-arranġamenti attwali ma jirrispettawx l-obbligi ta’ Malta skont il-liġi tal-UE”. Fid-dawl ta’ din l-Opinjoni BirdLife Malta tinnota b’sodisfazzjon li fit-taqsimiet kollha tad-dokument, l-Avukat Ġenerali tiddikjara li r-regolamenti tal-insib tal-għasafar tal-għana mħaddma f’Malta kienu jmorru kontra dak li tgħid id-Direttiva dwar l-Għasafar.
Filwaqt li dan id-dokument issa qed jiġi analizzat, BirdLife Malta ma tistax ma tinnutax li l-Avukat Ġenerali semmiet diversi fatti li jsaħħu l-argument li kien żball li nfetħu l-istaġuni tal-insib għall-għasafar tal-għana mill-2014 lil hawn.
Dan wara li l-insib għall-għasafar tal-għana ġie abolit gradwalment sal-2009 skont kif maqbul fit-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-UE. Joħroġ ċar li fl-Opinjoni tagħha l-Avukat Ġenerali waqqgħet l-argumenti kollha ta’ Malta, fosthom dawk marbutin mal-użu għaqli, l-insib bħala ‘tradizzjoni’, l-argument li m’hemm ‘l-ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra’, l-użu ta’ xbieki bħala għodda għall-qbid tal-għasafar li tista’ tintuża skont id-deroga u l-fatt li dawn it-tip ta’ xbieki huma metodu ta’ qbid li hu kemm fuq skala kbira u mhux selettiv.
L-Avukat Ġenerali tagħmel ukoll domandi dwar il-kapaċitajiet tal-infurzar, u tesprimi dubji serji fuq il-kredibilità tal-metodoloġija użata minn Malta. Tesprimi wkoll dubji serji kemm Malta tista’ tipprova li l-popolazzjonijiet tas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana jistgħu jinżammu f’livelli sodisfaċenti.
Anzi, għall-kuntrarju, tgħid li jista’ jkun hemm saħanistra riskju li l-użu ta’xbieki minn 4,000 nassab liċenzjat fi staġun mifrux fuq 73 ġurnata jista’, potenzjalment, “iwassal biex tgħib minn Malta waħda minn dawn l-ispeċi”. Saret ukoll kritika li minflok tindirizza dawn il-kwistjonijiet, Malta tagħżel li tagħmel enfasi fuq il-fatt li l-użu ta’ xbieki bħal dawn huwa xi ħaġa ‘tradizzjonali’.
Dak li huwa l-aktar ta’ sodisfazzjon għal BirdLife Malta hu l-fatt li l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali hi konsistenti mal-pożizzjoni ripetuta tagħna li l-liġijiet ambjentali, inkluż id-Direttiva dwar l-Għasafar, saru biex “iħarsu lill-għasafar – mhux biex jirregolaw il-mod kif isiru l-kaċċa u l-insib għalihom”; u anke li “Stati Membri ma jistgħux jippretendu li għandhom xi dritt sagrosant biex japplikaw deroga”.
Din l-Opinjoni tal-AĠ turi wkoll dak li BirdLife Malta ilha tissuġġerixxi, jiġifieri li l-Gvern ingħata parir ħażin mill-organizzazzjonijiet talkaċċa u l-insib. Finalment, ir-rakkomandazzjonijiet tal-AG huma xhieda ċara li l-wegħdi politiċi ma jiġġustifikawx it-tħaddim ta’ deroga.
Fid-dawl ta’ dan, BirdLife Malta ttenni l-pożizzjoni li ħadet tul l-aħħar laqgħa tal-Kumitat Ornis li l-Gvern m’għandux jaċċetta r-rakkomandazzjoni tal-Ornis biex jiftaħ l-istaġun tal-insib ta’ din is-sena qabel ma joħroġ il-verdett finali tal-ECJ aktar tard din is-sena.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima qal li kien innota l-opinjoni tal-AĠ Sharpston. Il-Ministeru qal li din l-Opinjoni ma torbotx fuq il-Qorit Erwopea tal-Ġustizzja u għalhekk hu prematur li jispekula jew jikkummenta fuq id-deċiżjoni finali fuq il-każ; liema deċiżjoni se tingħata fix-xhur li ġejjin. Il-Ministeru qal li s-sitwazzjoni se tkun evalwata u d-deċiżjonijiet se jittieħdu fuq il-bażi tal-verdett finali.
//= $special ?>