Lokali

Pożizzjonijiet ġodda għal Zammit Lewis u Manwel Mallia

Iż-żewġ eks-Ministri llum huma backbenchers Laburisti

L-eks Ministri Edward Zammit Lewis u Manwel Mallia ngħataw pożizzjonjiet ġodda mill-Gvern, skont rapport ippubblikat mill-gazzetta MaltaToday.

Skont ir-rapport, il-kumpanija legali ta’ Zammit Lewis tqabbdet mill-Gvern biex tipprovdi konsulenzi legali lill-aġenzija ‘Identity Malta’, jiġifieri l-aġenzija tal-Gvern li kienet fiċ-ċentru ta’ numru ta’ kontroversji kbar marbuta mal-bejgħ taċ-ċittadinanza u l-għoti tal-visas u l-permessi ta’ residenza.

Min-naħa l-oħra, Manwel Mallia nħatar Chairperson tal-OHSA, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, b’salarju ta’ €14,000 fis-sena apparti l-onorarja ta’ €20,000 bħala Membru Parlamentari u €26,000 oħra bħala Chairperson ta’ wieħed mill-Kumitati Parlamentari.

Fil-leġiżlatura li għaddiet, Edward Zammit Lewis kien Ministru tat-Turiżmu filwaqt li Manwel Mallia kien Ministru tas-Sigurtà Nazzjonali qabel tneħħa mill-kariga wara l-każ tal-isparatura mix-xufier tiegħu. Hu reġa’ ddaħħal fil-Kabinett minn Joseph Muscat bħala Ministru għall-Kompetittività u l-Ekonomija Diġitali s-sena li għaddiet.

Imma kemm Zammit Lewis kif ukoll Manwel Mallia ma rnexxilhomx jerġgħu jiġu eletti fil-Parlament fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, tant li kien biss permezz tal-elezzjonijiet każwali li rnexxielhom jiksbu siġġu fil-Parlament bħala backbenchers Laburisti.

Għad mhux magħruf jekk Zammit Lewis u Manwel Mallia humiex l-uniċi żewġ backbenchers Laburisti li se jkunu qed jiġu premjati mill-Gvern permezz ta’ għotjiet ta’ konsulenzi u ħatriet f’awtoritajiet tal-Gvern.