Futbol Sport

Roma jegħlbu lil Tottenham lejn it-tmiem fl-International Champions Cup

Diego Perotti jiftaħ l-iskor minn penalty (Ritratt: EPA)

Roma kisbu rebħa tajba meta għelbu lil Tottenham 3-2 f’logħba mill-International Champions Cup li fir-Red Bull Arena, f’New Jersey. Il-logħba ħadet xejra differenti fl-aħħar minuti, b’erba’ gowls skorjati lejn it-tmiem, iżda finalment kienu t-tim Taljan li ħareġ rebbieħ.

Roma fetħu l-iskor wara 13-il minuta meta kross ta’ Radja Nainggolan ħabat ma’ id Cameron Carter-Vickers, bir-referee jħalli l-logħob għaddej, iżda wara konsultazzjoni ordna l-penalty. Mill-11-il metru, Diego Perotti fetaħ l-iskor. Tottenham appellaw għal penalty fil-ftuħ tat-tieni taqsima wara kuntatt bejn Fazio u Harry Kane, iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej.

It-tim ta’ Eusebio di Francesco rdoppja fis-70 minuta, meta minn kross mix-xellug ta’ Strootman, il-ballun kien klirjat parzjalment minn Trippier iżda spiċċa fid-direzzjoni tal-akkwist il-ġdid Cengiz Under li b’xutt tajjeb fuq il-ġirja għamilhom 2-0.

Tottenham daħlu fil-logħba ħames minuti mit-tmiem, b’xutt ta’ Janssen li kien salvat parzjalment minn Skorupski, id-difiża ta’ Roma naqset li tbiegħed il-periklu u kien Harry Winks li skorja mill-viċin. It-tim ta’ Pochettino saħansitra ġab id-draw fil-91 minuta bi kross ta’ N’Kodou li minnu Vincent Janssen daħal tajjeb u għeleb lil Skorupski b’xutt mill-ewwel.

Iżda l-partita ma spiċċatx hemm, b’Roma jiskorjaw il-gowl tar-rebħa fl-attakk sussegwenti meta ż-żagħżugħ Marco Tumminello skorja mill-viċin wara kross ta’ Strootman.