Futbol Sport

SERIE A – Iċ-champions Juventus jibdew kontra Cagliari

Għadhom kif ittellgħu l-poloz tal-kampjonat tas-Serie A u sar magħruf li ċ-champions Juventus se jibdew jiddefendu t-titlu bil-logħba f’darhom kontra Cagliari.

Fl-istaġun li jmiss Juventus se jkunu qed jippruvaw jirbħu l-kampjonat għas-seba’ darba konsekuttiva. Fl-istaġun li għadda waqqfu rekord u saru l-ewwel tim fl-istorja li qatt rebaħ il-kampjonat sitt darbiet konsekuttivi.

Bla dubju l-aktar logħba li tispikka fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat se tkun bejn Inter, li din is-sena jinsabu taħt it-tmexxija tal-kowċ il-ġdid Luciano Spalletti u Fiorentina.

Milan, li matul dan is-sajf għamlu diversi akkwisti jibdew barra minn darhom kontra Crotone u Lazio jibdew kontra t-tim neo-promoss ta’ SPAL.

Roma, li se jkunu taħt it-tmexxija tal-kowċ il-ġdid Di Francesco se jibdew b’logħba diffiċli barra minn darhom kontra Atalanta.

Ta’ min jiftakar li din se tkun l-ewwel darba wara ħafna snin li Roma se jkunu mingħajr l-ekscaptain leġġendarju Francesco Totti li rtira mill-futbol wara l-istaġun li għadda.
Napoli, tim li fl-istaġun li għadda temm fit-tielet post se jibdew b’logħba barra minn darhom kontra Verona.

Il-kampjonat tas-Serie A jibda fid-19 ta’ Awwissu u jintemm fl-20 ta’ Mejju.

Għall-kuntrarju tas-soltu mhux se jkun hemm waqfa tal-Milied u fil-fatt fit-23 ta’ Diċembru u fit-30 ta’ Diċembru hemm programmati diversi partiti. Ir-raġuni għaliex il-kampjonat se jintemm ftit qabel hu biex it-tim nazzjonali Taljan ikun jista’ jħejji għat-Tazza tad-Dinja bl-aħjar mod.

Fil-kampjonat se jkunu tlieta l-okkażjonijiet li se jsiru partiti matul il-ġimgħa (20 ta’ Settembru, 25 ta’ Ottubru u 18 ta’ April).

Matul l-istaġun se jkun hemm ħames ‘ġranet’ fejn matulhom mhux se jintlagħbu partiti minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali Taljan (3 ta’ Settembru, 8 ta’ Ottubru, 12 ta’ Novembru, 25 ta’ Marzu u 14 ta’ Jannar).

Ta’ min jiftakar li ġimgħa qabel ma jibda l-kampjonat, jiġifieri fit-13 ta’ Awwissu tintlagħab il-finali tas-Super Cup Taljana bejn Juventus u Lazio.

L-ewwel ġurnata:
Atalanta v Roma
Bologna v Torino
Crotone v Milan
Verona v Napoli
Inter v Fiorentina
Juventus v Cagliari
Lazio v SPAL
Sampdoria v Benevento
Sassuolo v Genoa
Udinese v Chievo