Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret pakkett ġdid ta’ appoġġ għall-Greċja biex il-pajjiż ikun jista’ jlaħħaq mal-kriżi tar-refuġjati attwali.
Fil-preżent, il-Greċja qed tiffaċċja l-preżenza ta’ għexieren ta’ eluf ta’ immigranti u refuġjati f’artha, bil-pakkett tal-emerġenza – ekwivalenti għal 209 miljun ewro – jinkludi programm biex jgħin lill-familji tar-refuġjati jikru l-akkommodazzjoni fl-ibliet.
Uffiċjali tal-UE li żaru Ateni qalu, intant, li l-programm jaħseb ukoll biex jipprovdi l-flus lir-refuġjati biex huma jkunu jistgħu joħorġu mill-kampijiet f’dan il-pajjiż.
Il-Kummissjoni spjegat li l-finanzjament ġdid aktar milli jirdoppja l-appoġġ ta’ emerġenza li qed ikun estiż lill-Greċja għall-kriżi tar-refuġjati – bil-fondi totali jammontaw għal 401 miljun ewro.
Il-proġett għall-kiri tal-akkommodazzjoni, intant, qed isir b’koperazzjoni mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u għandu jipprovdi 22,000 post għall-kiri bil-ħsieb li l-ammont tar-refuġjati li jkunu qegħdin jgħixu f’appartamenti mikrija jiżdied għal 30,000 sal-aħħar tas-sena – b’dawn jinkludu 2,000 post tal-kiri fil-gżejjer Griegi.
//= $special ?>