Frederick Mifsud Bonnici nħatar bħala ċ-Chairman non-Eżekuttiv tal-Bank APS matul il-Laqħa Ġenerali Annwali li nżammet illum. Hu qed jieħu post Emmanuel P. Delia, li rtira mill-kariga wara 18-il sena. Fl-istess laqgħa sar magħruf li Joseph C. Caruana rtira minn Direttur tal-Bank.
Membru fl-Istitut tal-Accountants Kwalifikati fl-Ingilterra u Wales, Mifsud Bonnici għandu karriera ta’ 42 sena, l-aktar fost is-sħab fi PricewaterhouseCoopers, minfejn irtira fl-2011 bħala ‘Assurance Leader’.
Hu serva wkoll bħala Chairman non-Eżekuttiv ta’ Bank of Valletta, ta’ Mapfre MSV Life u aktar riċenti bħala Direttur non-Eżekuttiv u li jmexxi l-Kumitat tal-Awditjar f’Medbank Group, flimkien mal-kumpanija sussidjarja Mediterranean Bank.
Frederick Mifsud Bonnici serva wkoll bħala Chairman tal-Malta Stock Exchange u President tal-Istitut Malti tal-Accountants, fost l-oħrajn. Fl-istess waqt, għadu sal-lum Chairman non-Eżekuttiv ta’ Blevins Franks Trustess, kif ukoll Membru tal-S.M.O.M.
Matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali, ingħatat tislima xierqa lill-eks Chairman non-Eżekuttiv Emmanuel P. Delia, li għen biex l-istrateġiji tal-Bank APS iservu ta’ pjattaforma għat-tkabbir tal-Bank. Ingħata tislima wkoll l-eks Direttur Joseph C. Caruana.
Matul l-istess Laqgħa, kienet approvata wkoll il-ħatra ta’ Deloitte Audit Malta bħala l-kumpanija l-ġdida tal-Awdituri tal-Bank. Għaldaqstant, sar apprezzament ukoll lill-kumpanija EY Malta għas-servizz li tat lill-Bank APS fl-aħħar snin.
//= $special ?>