Ftit tal-ħin ilu, skada d-deadline għall-ġenituri ta’ Charlie Gard, it-tarbija b’marda terminali, biex huma jaslu f’arranġament mat-tobba fir-rigward ta’ binhom.
Issa, imħallef tal-Qorti Għolja fir-Renju Unit qal li it-traġiku Charlie se jittieħed mill-Isptar ta’ Great Ormond Street (f’Londra) lejn hospice fir-Renju Unit biex jitħalla jmut bid-dinjità. Il-ħsieb hu li t-tifel jitneħħa minn fuq il-magna ‘fi ftit żmien ieħor’.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-ġenituri ta’ Charlie Gard temmew l-isfida legali biex binhom ikun trasferit lejn l-Istati Uniti għal forma ta’ trattament sperimentali.
Intant, il-ġenituri, Chris Gard u Connie Yates, kienu talbu lill-Ogħla Qorti għal permess biex huma jieħdu lil binhom magħhom lejn id-dar, qabel, imbagħad, iddeċidew li hu kellu jittieħed fil-hospice.
L-avukat li qed jirrappreżenta lill-koppja indika li Chris Gard u Connie Yates, għall-bidu, riedu jiffinanzjaw ‘privatament’ it-trattament ta’ Charlie ġo hospice, bil-ħsieb li dan it-tifel ta’ 11-il xahar jinżamm fuq il-magna għal numru ta’ ġranet.
Iżda l-awtoritajiet fl-isptar ta’ Great Ormond Street (fejn ilu jinżamm Charlie għal dawn l-aħħar ġimgħat) qalu li t-tifel għandu jibqa’ f’hospice għal perjodu ta’ żmien anqas, filwaqt li esprimew dubji rigward l-arranġamenti proposti għall-kura ta’ Charlie min-naħa tal-ġenituri li kienu mfissra bħala ‘mhumiex vjabbli’.
//= $special ?>