Sport Sport Ieħor

Djokovic barra mill-azzjoni sa tmiem is-sena

Djokovic

It-tennista mis-Serbja Novak Djokovic se jkollu jdum barra mill-azzjoni sa tmiem is-sena minħabba li qed jirkupra minn injury fil-minkeb.

Il-problema ilha preżenti għal dawn l-aħħar sena u nofs imma issa Djokovic wasal f’punt fejn mhux qed ikun jista’ jilgħab kif jixtieq minħabba l-uġiegħ.

Riċentament, l-eksnumru wieħed fid-dinja, li għandu 30 sena kellu jirtira mill-Open ta’ Wimbledon u jumjen ilu kien ħabbar li mhux se jikkompeti fl-Open tal-Istati Uniti li se jibda fit-28 ta’ Awwissu.
Jum wara Djokovic żvela li l-problema hi akbar u se jkollu jistenna minn tal-anqas sa Jannar li ġej biex jerġa’ jilgħab.

F’kummenti li ta Djokovic, rebbieħ ta’ 12-il Grand Slam qal li din kienet deċiżjoni diffiċli għalih imma ma kellux triq oħra x’jieħu.

L-2017 ma tantx kienet sena daqstant pożittiva għal Djokovic fejn f’Jannar li għadda tilef kontra Denis Istomin fl-Open tal-Awstralja fejn kien qed jilgħab fih bħala l-holder.

Aktar tard safa eliminat mill-kwarti tal-finali tal-Open ta’ Franza b’telfa kontra Dominic Thiem.
Djokovic qal li tkellem ma’ diversi tobba u kollha qalulu li l-injury li għandu hi minħabba l-ammont kbir ta’ logħob li lagħab mingħajr serħan.

Tennista ieħor li se jitlef l-Open tal-Istati Uniti hu Andy Murray li bħal Djokovic, ukoll kellu jirtira mill-Open ta’ Wimbledon minħabba injury f’qaddu.