Elezzjoni Kap PN Lokali

“Dritt li tgħix bla biża'”: Chris Said bi proposti dwar is-sigurta’ u l-ordni pubbliku

L-ordni pubbliku u s-serħan tal-moħħ kienu t-temi ewlenin tal-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Pjazza ta’ Buġibba, ftit jiem biss wara li l-istess pjazza inbidlet f’kamp tal-battalja bi ġlieda kbira bejn grupp kbir ta’ nies.

Raġel li kien preżenti waqt il-ġlieda jirrakkonta r-reazzjoni tal-pulizija meta xi nies ċemplu għall-għajnuna

Chris Said ippreżenta numru ta’ proposti biex tiżdied is-sigurta’ u jkun prevenzjoni u azzjoni kontra ġlidiet kbar organizzati.

Hu qed jipproponi li jitwaqqfu kumitati tas-sigurta’ magħmula minn rappreżentanti tal-Korp tal-Pulizija, tal-Kunsilli Lokali u tal-komunita’ kummerċjali. Gwardjani voluntieri minn fost il-komunita’ biex ikun hemm element ta’ prevenzjoni. Chris Said qal li jara wkoll li l-Pulizija tat-Turiżmu, li kienet imwiegħda iżda li sa issa baqgħet biss fuq il-karta.

Chris Said qed jipproponi wkoll tibdil fil-liġi sabiex jiħraxu l-pieni fuq ġlidiet organizzati li jinvolvu numru kbir ta’ persuni u li jiżdied l-aggravju tal-użu ta’ propjeta’ privata u pubblika.

Fl-aħħar nett, Chris Said tenna li l-Korp tal-Pulizija għandu jerġa jieħu lura l-awtorita’ morali u stqarr li hu kontra l-promozzjonijiet ta’ Pulizija li għandhom rekord kriminali u li dawn għandhom ikunu fuq il-mertu. Hu rrefera wkoll għall-akkademja tal-Pulizija li tinsab fi stat ħażin b’nuqqasijiet bażiċi fit-taħriġ akkademiku, legali u prattiku.