Lokali

DROGA: 21 każ suspettuż fil-ħabs f’xahrejn

Fi 13-il każ, huwa suspettat illi instabet droga fil-ħabs, filwaqt illi kien hemm 8 każi fejn provaw idaħħlu droga

Minn Mejju, kien hemm total ta’ 13-il każ fil-ħabs fejn huwa suspettat illi nstabet droga filwaqt li kien hemm 8 każi oħra fejn sar attentat biex jiddaħħlu sustanzi projbiti fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

Dawn id-dettallji ġew konfermati lill-ġurnal Times of Malta mill-Ministeru tal-Intern, għalkemm l-istess Ministeru qed jgħid illi minn Ġunju ma kien hemm l-ebda ħabsi illi iddaħħal l-Isptar Mater Dei b’overdose.

L-istess ġurnal jgħid illi sa nhar it-Tnejn li għadda kien hemm rapporti ta’ droga sintetika moħbija wara locker f’ċella partikolari. Instabu anke numru ta’ SIM cards moħbija f’saqqu.

Il-ġimgħa ta’ qabel, kwantita’ kbira ta’ droga instabet moħbija f’culvert barra l-ħabs. Irriżulta ukoll illi numru ta’ ħabsin kellhom fuqhom telefowns ċellulari u sustanzi illegali.

Iżda mir-rapporti kollha, forsi l-aktar inkwetanti kien dak illi tefa’ dawl fuq il-fatt li nstabet id-droga f’Diviżjoni Sitta tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, liema Diviżjoni sippost hija l-aktar waħda sigura fil-ħabs.

Intant, il-Ministeru tal-Intern insista li d-Direttur tal-Ħabs Paul de Battista ma rriżenjax. Filwaqt li hu jinsab assenti minħabba raġunijiet ta’ saħħa, xogħlu qed isir mill-Assistent Direttur Mariella Camilleri.

Ikkummenta