“Għandna nibqgħu ngħożżu l-valuri li jgħaqqduna u flimkien immexxu b’mod ġdid biex nerġgħu nagħmlu l-Partit Nazzjonalista l-għażla naturali tal-Maltin u l-Għawdxin”. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa oħra bit-tema ‘Mod Ġdid’ organizzata għall-kunsilliera u t- tesserati fil-Każin Nazzjonalista tal-Mosta.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jiftaħ il-bibien beraħ u jerġa’ jsir bejta ta’ ideat u ħsibijiet li l-għan aħħari jkun li jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies. Delia qal li bħala Kap tal-Partit jiżgura li kull min għandu għal qalbu l-Partit Nazzjonalista jkun milqugħ u jingħata l-opportunita’ jikkontribwixxi fit-twassil tal-politika Nazzjonalista. Huwa spjega li l-mod ġdid ifisser li nżewwġu l-ħsibijiet differenti flimkien u l-Partit Nazzjonalista jerġa jsir forza li tgħaqqad u twieġeb għall-aspirazzjonijiet ta’ wliedna u ulied uliedna.
Adrian Delia wiegħed li se jsaħħaħ l-istrutturi kollha tal-Partit Nazzjonalista billi jżid is-sinerġija bejniethom u jżewweġ l-enerġija żgħażugħa mal-esperjenza kbira tal-veterani. Qal li bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista se jiżgura pjan fattwali li jkompli jsaħħaħ l-vijabilita’ finanzjarja fl-isrutturi kummerċjali tal-Partit. Qal li dan se jsir b’ristrutturar li jiżgura investiment meħtieġ u investiment kontinwu mir-riżorsi umani tal-Partit.
Delia qal li l-Oppożizzjoni se tkun waħda propożittiva u trid tkun iktar tan-nies mil-lum biex tkun lesta tikkonvinċi u tirbaħ l-ewwel elezzjonijiet li jmiss madwar Malta u Għawdex kollha fl-2019.
Adrian Delia qal li huwa spalla ma’ spalla mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista uxxenti Simon Busuttil fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Wiegħed li l-viżjoni tiegħu hi li terġa lura n-normalita’ fil-pajjiż fejn l-Istitizzjonijiet jaħdmu verament mingħajr biża’ jew favur u l-Poplu jerġa jħoss li qed jgħix id-demokrazija ħajja li tant iġġieled għaliha fil-passat.
Delia ġie milqugħ b’entużjażmu kbir fil-każin tal-PN tal-Mosta li għal din l-attivita’ kien mimli daqs bajda b’Kunsilliera u attivisti li lkoll iridu jaraw l-Partit Nazzjonalista jqum fuq saqajh biex ma jerġax jgħaddi minn telfa elettorali oħra.
Adrian Delia stqarr li l-aqwa esperjenza li għandu jkollu Kap ta’ Partit hi dik ġejja minn fast in-nies. Hu tenna li f’dawn l-aħħar 25 sena hu bena uffiċċju legali ta’ suċċess mingħajr ma pprova jirkeb fuq il-politika biex jirnexxi. “Issa wasal iż-żmien meta nħossni preparat biex nagħti l-kontribut tiegħi dirett fil-politika biex inġib l-esperjenza tiegħi fi ħdan il-partit,” qal Adrian Delia.
Fil-bidu ta l-attivita’ Adrian Delia sellem u faħħar lid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo li offra u ta kilwa minn tiegħu lil persuna fil-bżonn. “Dawn huma l-eroj tal-Partit Nazzjonaista, Ivan huwa eroj ta’ żminijietna,” tenna Adrian Delia.
//= $special ?>