Internazzjonali

Il-Libja titlob għall-għajnuna Taljana kontra l-immigrazzjoni

Fayez al-Seraj, il-Prim Ministru tal-Gvern ta’ għaqda nazzjonali Libjan, talab lill-Prim Ministru Taljan Paolo Gentiloni biex l-Italja tibda tipprovdi appoġġ navali biex tgħin lil-Libja tikkumbatti t-traffikar tal-bnedmin fl-ibħra Libjani.

Al-Seraj mar Ruma wara li kien Pariġi. Hu u l-kmandant militari Khalifa Haftar, li jemxxi forzi avversarji ta’ al-Seraj, qablu fuq waqfien mill-ġlied fil-Libja u l-possibbiltà ta’ elezzjoni ġenerali s-sena d-dieħla.

Dwar it-talba Libjana, Gentiloni qal li hemm bżonn l-appoġġ tal-Parlament Taljan u jekk dan jingħata u jkun neċessarju, bastimenti Taljani kienu lesti jidħlu fl-ibħra Libjani biex jikkumbattu t-traffikar tan-nies li jitlaq mill-kosta Libjana diretta lejn dik Taljana.

Al-Seraj ammetta li kien hemm bżonn li jsir aktar biex il-gwardja tal-kosta Libjana tikkumbatti l-immigrazzjoni illegali u li jkun assigurat li jkun hemm apparat modern biex jikkontrolla l-kosta Libjana.

S’issa din is-sena madwar 94,000 immigrant daħlu fl-Italja – żieda ta’ ħamsa fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Minn Jannar, aktar minn 2,370 persuna mietu waqt il-vjaġġ fil-Mediterran, skont l-UNHCR.

It-Tlieta, il-pajjiżi membri tal-UE qablu li jestendu l-ħidma marittima tal-UE barra l-kosta Libjana magħrufa bħala Operation Sophia għal 18-il xahar oħra fost tħassib għan-numru tal-immigranti li qed jaqsmu l-Mediterran.

Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, wiegħed lil Gentiloni 100 miljun ewro oħra mat-800 miljun ewro li kienu diġà mwiegħda.