Is-sħana qawwija tas-Sajf sfortunatament ġġib ħafna nixfa u dan żgur li ma jgħinx lin-natura – bħal ma qed jiġri fiż-żona magħrufa bħala tal-Magħluq f’Marsaskala.
Żona li bħalissa hi kkaratterizata minn ilma qiegħed u skart li jitfgħu in-nies. Residenti tal-madwar li tkellmu ma’ Net News qalu li fil-Magħluq wieħed għadu jsib il-papri imma anke dawn qed jonqsu. Kien hemm anke residenti li waħħlu nota biex ma jintefax ħobż lill-papri għaliex kien qed iġib il-ġrieden.
Hemm wkoll partijiet mill-ħitan tas-sejjieħ li qed jaqa’ u li issa ilu żmien f’dak l-istat.
Resident partikolari, li tkellem ma’ Net News, qal li fil-passat fil-Magħluq kien ikun hemm mhux biss papri imma anke ħut – bħal mulett, kaplat li hu tip ta’ mulett kbir, awrat u anke sallur.
Ir-residenti tal-inħawi qed jappellaw lill-awtoritajiet biex dan is-sit – Il-Magħluq ta’ Marsascala jitnaddaf għaliex l-ewwelnet għandu jinżamm nadif u anke għaliex għandu jkun żona ta’ attrazzjoni għal min iżur Wied il-Għajn. Jirriżulta li r-residenti anke kkuntatjaw lill-Kunsill Lokali biex jieħu azzjoni u jjinforma lill-Awtoritajiet konċernati. Iżda jirriżulta wkoll li dan l-appell waqa’ fuq widnejn torox.
Il-Magħluq hu sit ta’ Natura 2000 li għalih suppost hemm pjan ta’ mmaniġjar ffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>