Lokali

Il-Partit Laburista ma jsibx nies għall-Kunsill tal-Fgura

Kostretti jaqilgħu lil Mario Fava mis-Swieqi biex imur fil-Kunsill tal-Fgura

Is-sitwazzjoni tal-Partit Laburista fil-lokalità tal-Fgura xejn mhi feliċi hekk kif naqas milli jsib persuna mill-lokalità biex isservi fil-Kunsill Lokali wara r-riżenja tas-Sindku Byron Camilleri li issa mar fil-Parlament. Fil-fatt, il-Partit Laburista kellu ċ-ċans li jagħżel persuna hu biex jieħu post Camilleri fil-Kunsill Lokali peress li fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ġew eletti l-Kunsillieri kollha tal-Partit Laburista, u għalhekk ma kienx hemm kandidati biex jieħdu sehem fl-elezzjoni każwali.

Iżda jidher li l-Partit Laburista ma sab lil ħadd biex isir Kunsillier Lokali, u kien kostrett idur fuq Mario Fava, il-President tas-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista u Kunsillier ukoll fis-Swieqi, biex jimla’ post Camilleri fil-Kunsill tal-Fgura.

Din id-deċiżjoni ħolqot rabja kbira fil-Fgura, b’mod partikolari fil-Kumitat Lokali Laburista tal-Fgura, b’bosta membri jsostnu li din id-deċiżjoni hi sfiduċja assoluta fil-Fgurin, b’mod partikolari f’dawk li jaħdmu għall-Partit Laburista.

Mario Fava mistenni jieħu l-ġurament ta’ ħatra bħala Kunsillier fil-Fgura fil-jiem li ġejjin wara li jirriżenja minn postu fil-Kunsill Lokali tas-Swieqi, fejn hemmhekk ukoll mistenni jintgħażel xi ħadd direttament mill-Partit Laburista għaliex fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali kien hemm biss żewġ kandidati li ġew eletti.