Il-Prinċep William tar-Renju Unit irtira mis-servizz tal-ambulanza tal-ajru wara sentejn f’dan is-servizz u wara li hu, fost oħrajn, ra ‘numru ta’ traġedji mill-aktar koroh’. Il-Prinċep, issa, beħsiebu jikkonċentra bis-sħiħ fuq id-doveri rjali tiegħu.
William, id-Duka ta’ Cambridge, hu t-tieni eredi għat-tron tar-Renju Unit.
Intant, hu, dan il-lejl, se jikkonkludi l-aħħar impenn tiegħu bħala pilota tal-air ambulance.
Id-deċiżjoni biex hu jirtira mis-servizz ittieħdet waqt li r-Reġina Eliżabetta, in-nanna ta’ William, u żewġha, id-Duka ta’ Edinburgh, qed jirtiraw bil-mod mid-doveri rjali tagħhom waqt li jħallu aktar spazju lill-ġenerazzjoni żgħażugħa tal-irjali.
Meta rrifletta fuq żmienu bħala pilota mal-iskwadri mediċi, il-Prinċep William faħħar id-dedikazzjoni ta’ dawk li jaħdmu mas-servizzi tal-emerġenza.
Hu fakkar li kien għadda minn mumenti li varjaw minn emozzjoni kbira għal niket profond u anki sodisfazzjon ‘talli persuna ngħatat opportunità ġdida għall-ħajja’.
‘Aħna, bħala l-membri ta’ skwadra, nivvjaġġaw lejn ix-xeni fejn iseħħu l-inċidenti traġiċi waqt li, flimkien, għaddejna minn esperjenzi diffiċli għall-aħħar fejn irriżultaw ukoll it-traġedji’, qal il-Prinċep — li qed juża wkoll l-esperjenza tiegħu biex jattira l-attenzjoni għall-qasam tas-saħħa mentali.
//= $special ?>