Hekk kif qorob l-20 anniversarju mill-mewt tal-Prinċipessa Diana ta’ Wales, Earl Spencer, ħu l-prinċipessa, żvela li kien hemm erba’ attentati biex jinsterqu l-fdalijiet ta’ oħtu.
Il-katavru ta’ Diana kien indifen fl-1997 fuq ġżira żgħira fl-art tal-familja, f’Althorp, Northamptonshire.
Waqt intervista fuq Radio 4, huwa qal li l-erba’ attentati li saru kollha sfaxxaw. Hu żied li jemmen li dan kien l-aħjar post fejn għandha tibqa’ midfuna oħtu, anki mill-punt tas-sigurtà.
Earl Spencer, li għandu 53 sena, ma żvelax x’kien l-iskop aħħari wara l-attentat tas-serq jekk hux minħabba devozzjoni lejha jew biex jagħmlu l-flus.
Hemm ukoll xi wħud li jemmnu li Diana mhix midfuna f’Althorp. Hemm għajdut li jgħid li hi ndifnet bil-moħbi f’post ieħor sigriet jew li kienet ikkremata u l-irmied tagħha jinsab fil-kappella tal-familja fir-raħal ta’ Great Brington.
Earl Spencer fl-intervista insista li l-Prinċipessa Diana qatt ma riedet li tkun ikkremata. Hu qal ukoll li kien sab li ma kinux qalulu l-verità meta fil-ġranet ta’ qabel il-funeral kien infurmat li l-Prinċpijiet William u Harry riedu li jimxu wara t-tebut ta’ ommhom. Hu qal li l-ħin kollu kien insista li dan ma kienx sew li t-tfal jimxu wara t-tebut ta’ ommhom. Imma kien infurmat minn Buckingham Palace li din kienet ix-xewqa tat-tfal tagħha.
Il-Prinċep Harry, li meta mietet ommu kellu 12-il sena, f’Ġunju ta’ din is-sena rrakkonta kemm kienet esperjenza kerha li jimxi wara t-tebut ta’ ommu, u kif fl-opinjoni tiegħu ebda tifel jew tifla m’għandhom jgħaddu minn xi ħaġa simili.
//= $special ?>