Sport Sport Ieħor

KICKBOXING – Żewġ Maltin se jiġġieldu fl-Italja

Christopher Rotin u Clayton Desira flimkien ma’ Master Noel

Żewġ kickboxers minn Team Noel se jirrappreżentaw lil Malta fi ġlidiet internazzjonali li se jsiru fi Sqallija, nhar is-Sibt li ġej.

Christopher Rotin u Clayton Desira se jkunu qed jiġġieldu kontra avversarji Taljani fis-serata Evolution Fight li se ssir f’Rosolini.

Christopher Rotin, li riċentament kien iddikjarat ġellied professjonali mill-WKN, se jiġġieled kontra Gino Coriolano fil-kategorija tas-76 kg.

Rotin, li għandu 25 sena, għadu kemm rebaħ ġlieda internazzjonali fil-Gladiators’ Fight Night li saret dan l-aħħar. Barra minn hekk, din is-sena Rotin diġà rrappreżenta lil Malta darbtejn u rebaħ, kemm fl-Iran u anki fi Franza.

Clayton Desira se jiġġieled kontra Luca Lombardi fil-kategorija tat-72 kg. Desira, li għandu 27 sena, ukoll rebaħ l-aħħar ġlieda internazzjonali tiegħu kontra avversarju Taljan waqt il-Gladiators Fight Night ta’ tliet ġimgħat ilu.

Għal Desira din ukoll mhux l-ewwel darba li se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fi ġlidiet barra, fejn diġà kellu l-okkażjoni jipparteċipa fi ġlidiet fl-Italja u fl-Iżvizzera.