Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Awstralja. Julie Bishop, sejħet biex iċ-Ċina tagħmel aktar biex trażżan it-theddida mill-programmi nukleari u missilistiċi tal-Korea ta’ Fuq komunista.
Il-Korea ta’ Fuq, li wissiet li l-Awstralja tista’ tispiċċa mira għal attakk, ippruvat l-ewwel missila ballistika interkontinentali tagħha aktar kmieni dan ix-xahar. L-esperti qalu li din il-missila tista’ tkun kapaċi biex, għall-ewwel darba, tolqot it-territorju tal-Alaska.
L-Istati Uniti u l-Awstralja it-tnejn indikaw nuqqas ta’ sabar maċ-Ċina, li hi l-unika alleata kbira tal-Korea ta’ Fuq. Dan waqt li Julie Bishop għamlitha ċara li ‘hemm ħafna aktar li ċ-Ċina tista’ tagħmel fil-konfront tar-reġim fi Pyongyang’.
Bishop spjegat li ċ-Ċina hi l-akbar finanzjatur tal-Korea komunista u li għandha ħafna aktar influwenza fuq Pyongyang milli lesta turi mal-kumplament tad-dinja.
Fil-fatt, qed jidher li ċ-Ċina, li r-relazzjoni tagħha mal-Korea komunista tibbaża l-aktar fuq l-esportazzjoni, tikkontrolla wkoll iċ-ċirkulazzjoni tat-teknoloġija u l-investiment barrani tal-Korea ta’ Fuq. Il-Korea komunista ilha mill-2006 taħt is-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti b’konnessjoni mal-programmi nukleari u għall-missili ballistiċi.
Intant, l-Istati Uniti, li hi frustrata talli ċ-Ċina ma għamlitx aktar biex trażżan lill-Korea komunista, kapaċi timponi sanzjonijiet ġodda fuq il-kumpaniji Ċiniżi involuti fil-kummerċ ma’ Pyongyang, anki waqt li ċ-Ċina qed tiċħad il-kritika.
Fi żvilupp ieħor, il-Kmandant tal-qawwiet tal-Pacific Fleet Amerikan qal li jkun lest biex iwettaq attakk nukleari fuq iċ-Ċina ‘anki mill-ġimgħa d-dieħla’ f’każ li tingħata d-direttiva speċifika min-naħa tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.
L-Ammirall Scott Swift anki sostna li l-militar Amerikan mgħandu qatt jitlef il-lealtà lejn il-Kap-Kmandant tiegħu, li f’dan il-każ hu l-President tal-Istati Uniti.
L-Ammirall kien qed iwieġeb domanda ipotetika waqt konferenza tas-sigurtà li kienet qed issir fl-Università Nazzjonali tal-Awstralja f’Canberra u wara li l-militar Amerikan u dak Awstraljan ħadu sehem f’eżerċizzju konġunt ‘il hinn mill-Awstralja. Hawnhekk – meta kien mistoqsi jekk hux lest biex iwettaq attakk nukleari fuq iċ-Ċina ‘sa mill-ġimgħa d-dieħla’ f’każ ta’ direttiva minn Trump — Scott Swift sostna bla tlaqliq li ‘it-tweġiba għandha tkun fl-affirmattiv’.
//= $special ?>