Lokali Qorti

Protest ġudizzjarju dwar żewġ transfers vendikattivi fi spazju ta’ ftit jiem

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma’ Charlot Cassar u ma’ kull min spiċċa vittma ta’ transfers vendikattivi mill-Gvern Laburista, b’mod partikolari għall-għexieren ta’ ħaddiema taċ-Ċivil li saret tpattija magħhom wara l-elezzjoni ġenerali.

Fi stqarrija iffirmata mill-kelliem ghall-amministrazzjoni pubblika u s-settur pubbliku Hermann Schiavone, il-PN qal li l-għemil minn naħa tal-Gvern jikkonferma kemm il-wegħda tal-għaqda nazzjonali minn Joseph Muscat kienet biss gidba, għaliex filwaqt li quddiem il-kameras jgħid mod, minn wara dahar kulħadd, jara kif se jpattiha lil kull min jesponi l-oxxenitajiet ta’ korruzzjoni li twettaq il-klikka korrotta ta’ Kastilja.

Iktar kmieni

Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f’Marsaskala u kandidat għall-elezzjoni ġenerali Charlot Cassar ippreżenta protest ġudizzjarju wara li ngħata żewġ transfers mingħajr ebda raġuni valida minn Transport Malta, l-ewwel għall-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza u ftit jiem wara, transfer ieħor lejn id-Dipartiment tas-Sajd.

Fi stqarrija, Charlot Cassar qal li dan m’hu xejn għajr transfer vendikattiv fil-konfront tiegħu minħabba l-kandidatura tiegħu mal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Dan hu wkoll eżempju konkret, kompla Charlot Cassar, ta’ kemm l-għaqda nazzjonali li tant tkellem dwarha l-Prim Ministru lejliet u wara l-aħħar elezzjoni ġenerali hi ħrafa mill-bidu sal-aħħar. Daqskemm kienet ħrafa il-wegħda li ‘tista’ ma taqbilx magħna imma tista’ taħdem magħna’.

Cassar tenna li jekk dan it-transfer sar bil-għan li hu jieqaf jikkritika lill-Gvern fejn ikun hemm bżonn, b’mod partikolari f’temi bħall-governanza u l-ambjent, l-għan tiegħu falla.

Hu qal li wasal għad-deċiżjoni li jippreżenta l-protest ġudizzjarju għaliex jemmen li jkun min ikun fil-Gvern, il-ħaddiema tas-Settur Pubbliku għandhom kollha jingħataw l-istess opportunità, irrelevanti liema partit politiku jappoġġjaw. Is-Settur Pubbliku qiegħed hemm biex ikun ta’ servizz lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu u m’għandux jintuża politikament biex isiru vendikazzjonijiet mal-ħaddiema mill-partit fil-poter.

Il-Protest kien iffirmat mill-Avukat Andrew Borg Cardona.