Elezzjoni Kap PN Lokali

“Ejja niftħu l-bibien u t-twieqi beraħ ħalli tidħol arja ġdida” – Adrian Delia

“M’hemm l-ebda tema li għandna niddejqu minnha għaliex il-Partit Nazzjonalista hu partit kbir b’appoġġ ta’ 135,000 votant u bl-amirazzjoni ta’ ħafna oħrajn li għadhom ma ħadux il-pass li jivvotaw PN.”

Qal dan il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jiġi intervistat fuq Radio 101 waqt il-programm Newsdesk, preżentat minn Jerome Caruana Cilia.

Adrian Delia fisser il-Mod Ġdid kif jemmen li għandu jitmexxa l-Partit Nazzjonalista, bl-involviment qawwi tal-kumitati u l-kunsilliera tal-partit. Delia qal li jemmen li għandna bżonn niftħu beraħ il-biebien u t-twieqi u ma nibżawx mill-kurrent li jidħol ħalli jagħti arja ġdida lill-partit.

Żied jispjega li dan japplika anke għal media li trid tinfetaħ għal kulħadd u mhux isservi ta’ klabb esklussiv ta’ dawk li diġa huma konvinti. Qal dan waqt li esprima d-diżappunt tiegħu għad-deċiżjoni mill-amministrazzjoni tal-partit li l-linji tat-telefon ma jkunux miftuħin waqt dawn il-programmi biex in-nies tesprimi liberament il-ħsibijiet tagħha.

Il-kandidat għall-Kap daħal ukoll fid-dettal tal-pjan biex il-media tal-Partit Nazzjonalista ssir vijabli fi żmien tlett snin. Hu fisser li grupp ta’ esperti fil-qasam tax-xandir ħejjew pjan li beħsibu jippreżenta lill-partit jekk ikun Kap. Dan jinkludi wkoll il-ħolqien ta’ Akkademja għall-Media sabiex il-ħaddiema jitħarġu u mhux jitkeċċew bħalma ġara wara l-elezzjoni tal-2013.

Waqt il-programm qal ukoll li l-politika tal-partit trid tinbena minn isfel għal fuq. Spjega li l-Partit għandu l-lussu tal-kumitati tal-Partit li jafu l-politika minn fost in-nies. Dawn għandhom jingħataw l-ispazju u mhux jitwarrbu, żied jgħid Adrian Delia, biex jitkellmu u jwasslu l-aspirazzjonijiet tan-nies.