Lokali

FILMAT: “Inħossni ferħan qisni wellidt tarbija” – Ara l-ewwel kummenti ta’ Ivan Bartolo

Jien ninsab tajjeb ħafna, inħosni ferħan qisni wellidt tarbija”, hekk qalilna Ivan Bartolo li bħalissa jinsab fl-Isptar Mater Dei biex jirkupra wara li għamel operazzjoni biex jagħti kilwa lil persuna li ma’ jafx. F’intervista li ser tixxandar fil-programm Nafek xi mkien nhar it-Tnejn fid-9p.m. fuq Net Television preżentat minn Fabian Demicoli, id-Deputat Ivan Bartolo tkellem dwar din l-esperjenza li qed jgħaddi minnha.

Ivan Bartolo sibnih fil-kamra tiegħu bilqgħeda, waqt li bħalissa qed jirkupra minn operazzjoni maġġuri, rilassat u f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba, Ivan Bartolo qalilna li qed jirkupra b’ritmu mgħaġġel ħafna u saħansitra b’ritmu ferm aktar mgħaġġel milli kien qed jipjana.

Id-Deputat ġdid fil-Parlament, Ivan Bartolo qalilna li lejlet l-operazzjoni, kien mument li ħassu eċitat ħafna, anke għaliex hu qatt ma daħal fi sptar qabel, ħlief meta kien żgħir, u anke għaliex kien fl-istess kamra mal-persuna li kien se jirċievi l-kilwa tiegħu. Il-persuna li rċeviet il-kilwa hu żagħżugħ ta’ 31 sena minn Ħal-Qormi. Ivan Bartolo sostna li lejlet l-operazzjoni għamel aktar kuraġġ milli diġa kellu għaliex beda jifhem aktar id-diffikultajiet ta’ dawkl li għandhom il-kliwi morda.

Ivan Bartolo spjega li l-Erbgħa fit-8 ta’ filgħodu hu niżel fit-teatru għall-operazzjoni u l-operazzjoni damet 7 sigħat. Sostna li hekk kif wara l-operazzjoni beda jiġi f’tiegħu, hu ħass ferh inspjegabbli, “ħassejt ferh qisni wellidt tarbija meta qaluli li l-kilwa diġa bdiet taħdem fil-persuna l-oħra”.

Ivan qalilna li hu ma kienx jaf il-persuna li rċeviet il-kilwa qabel ma’ ltaqa miegħu fir-renal unit meta kien diġa beda l-proċess ta’ testijiet. Qalilna li dwar dan kien qal biss ftit qraba u persuni viċin ħafna tiegħu, u kienu ħafna li ħasrulu milli jagħmel din l-operazzjoni, iżda ma jiddispjaċih xejn b’din id-deċiżjoni, anzi.

Ivan qalilna li issa li fortunatament għaddiet l-operazzjoni u rnexxiet, hu qed jirkupra tajjeb ħafna.

L-intervista kollha ma’ Ivan Bartolo mill-kamra tiegħu fl-isptar Mater Dei tixxandar nhar it-Tnejn fid-9p.m. fuq Net Television.

Id-Deputat Ivan Bartolo waqt intervista ma’ Fabian Demicoli fil-programm Nafek xi mkien