Internazzjonali

Għexieren ta’ midruba waqt inċident bil-ferrovija f’Barċellona

Talanqas 54 persuna indarbu waqt inċident bil-ferrovija fl-istazzjon ta’ Barċellona, fi Spanja, bl-aħħar rapporti jirreferu għal talanqas raġel ‘ferut gravi’ li ma deherx fil-periklu li jitlef ħajtu.

L-inċident seħħ waqt ir-rush hour ta’ filgħodu fl-istazzjon ta’ Francia, fiċ-ċentru tal-belt prinċipali ta’ Katalunja. L-awtoritajiet qalu li l-ferrovija ma żammitx il-brejkijiet kif suppost hi u dieħla fl-istazzjon u bir-riżultat li hi laqtet il-buffers mal-pjattaforma fejn kienu qed jistennew in-nies.

Dan wara li l-ferrovija kienet ivvjaġġat mill-villaġġ ta’ Sant Vicenc de Calders li jinsab xi 60 kilometru lejn il-Lbiċ ta’ Barċellona.

Għexieren ta’ ħaddiema għall-emerġenzi ntbagħtu lejn l-istazzjon, b’numru ta’ midruba jingħataw it-trattament ‘fuq il-post’ għall-ġrieħi li ġarrbu.

Is-servizzi għall-emerġenza qegħdin jevalwaw iċ-ċirkustanzi tal-inċident, meta x-xufier tal-ferrovija hu fost diversi nies li kellhom jiddaħħlu l-isptar għall-kura. Ingħad li x-xufier jinsab ‘taħt stat ta’ xokk qawwi’ u li fost il-midruba hemm ċittadini minn Franza u r-Rumanija.