Tomomi Inada irriżenjat minn Ministru tad-Difiża tal-Ġappun, fejn ammettiet responsabbiltà għal cover-up fejn il-Ministeru tagħha spiċċa jaħbi r-rekords tal-attivitajiet tas-suldati Ġappuniżi involuti f’missjonijiet għall-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-każ partikulari jitratta l-perikli li s-suldati Ġappuniżi kienu qed jiffaċċjaw fis-Sudan t’Isfel meta din hi l-aħħar daqqa ta’ ħarta lill-Gvern tal-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, li hu mifni bl-iskandli. Fil-fatt, Inada hi meqjusa bħala personalità qrib ħafna ta’ Abe u r-riżenja tagħha seħħet jiem biss qabel il-Prim Ministru jwettaq reshuffle fil-Kabinett tiegħu, bil-għan li jistimola l-approvazzjoni tal-pubbliku.
Skont l-aħħar rapporti, il-Ministru Ġappuniż għall-Affarijiet Barranin, Fumio Kishida, assuma d-dekasteru għad-Difiża wara r-riżenja ta’ Imada.
Min-naħa tagħha, Tomomi Inada qalet li hi, bħala Ministru tad-Difiża, kellha r-responsabbiltà biex tieħu ħsieb l-organizzazzjoni (militari) u li, fiċ-ċirkustanzi, kien l-obbligu tagħha li tirriżenja.
Inada qalet li r-riżultati tal-investigazzjoni juru li l-Ministeru tagħha ħeba xi rekords militari li jiddokumentaw kundizzjonijiet tas-sigurtà ‘li qalbu għall-agħar’ għat-truppi Ġappuniżi li kienu qed iżommu l-paċi fis-Sudan t’Isfel. Is-sitwazzjoni dehret l-aktar waqt numru ta’ konfronti ewlenin li seħħew matul is-sajf li għadda.
Il-Gvern ta’ Abe kien qed jiffaċċja kritika dwar il-possibbiltà li l-Ġappun kien qed jabbuża l-kriterji tal-Kostituzzjoni li tirrinunzja għall-gwerra. Hemm indikazzjonijiet li l-Gvern Ġappuniż abbuża wkoll b’aġir li kiser il-liġi tal-pajjiż dwar iz-zamma tal-paċi meta ħalla lis-suldati tiegħu qalb iz-zoni ta’ gwerra.
Il-Prim Ministru Abe u Tomomi Inada insistew, intant, li l-konflitt ma kienx jinvolvi kumbattimenti jew sitwazzjoni ta’ gwerra li kienu jeħtieġu l-irtirar tas-suldati Ġappuniżi mill-artijiet partikulari.
Fl-istess ħin, il-kritiċi sostnew li Abe ried li l-missjoni fis-Sudan t’Isfel tkompli minkejja l-element qawwi ta’ periklu, għaliex hu xtaq li l-militar Ġappuniż jaddotta rwol akbar fil-missjoni tan-NU għaż-żamma tal-paċi.
F’Mejju li għadda, l-aħħar grupp ta’ suldati Ġappuniżi rritornaw pajjiżhom mis-Sudan t’Isfel wara li kkonkludew missjoni ta’ ħames snin u nofs f’dak il-pajjiż Afrikan.
//= $special ?>