Internazzjonali

Il-Ġermanja: Attakk qattiel ġo supermarket f’Hamburg

 

Talanqas persuna tilfet ħajjitha, b’diversi nies oħra jisfaw midruba, wara li raġel armat b’sikkina ħebb għall-persuni li nzerta quddiemu ġo supermarket, fil-belt ta’ Hamburg.

Il-Pulizija f’Hamburg qalu, fuq Twitter, li ‘talanqas suspettat’ kien qed jinżamm taħt arrest iżda għadu kmieni wisq biex huma jiffissaw ir-raġuni għall-attakk.

Intant, mhux eskluż li l-attakk seta’ kien xprunat minn impenn terroristiku, fost rapporti li l-aggressur beda jxejjer bis-sikkina bl-addoċċ lejn ix-xerrejja fis-supermarket qabel waqqfuh il-pulizija.

L-attakk seħħ fi stabbiliment ta’ Edeka – l-akbar kumpannija ta’ supermarkets fil-Ġermanja – bil-pulizija tikkonferma, aktar tard, li l-aggressur kien qed jaġixxi waħdu.

Skont l-ispekulazzjoni fost l-istampa, l-attakk seta’ anki kien parti minn attentat ta’ serq, iżda l-pulizija u l-awtoritajiet f’Hamburg mhumiex f’pożizzjoni li jikkonfermaw il-veru skop tal-armat.