Rapporti ta’ irregolaritajiet u abbużi f’għoti ta’ kuntratti mill-Ministeru għal Għawdex
Pulizija pajżana tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) ilbieraħ marru fil-Ministeru għal Għawdex u interrogaw fit-tul lill-Perit Angelo Portelli li hu persuna meqjusa qrib ħafna tal-eks-Ministru Anton Refalo.
Għoti ta’ kuntratti b’mod irregolari u b’mod abbużiv ta’ żmien l-eks-Ministru għal Għawdex Anton Refalo fis-sigħat li għaddew kienu fiċ-ċentru ta’ investigazzjonijiet li bdiet tagħmel il-Pulizija tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK).
Il-ġurnal in-Nazzjon illum żvela li dawn l-investigazzjonijiet waslu biex ilbieraħ għadd ta’ Pulizija Maltin mid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali marru fiżikament f’Għawdex u interrogaw fit-tul lill-Perit Anġelo Portelli li hu meqjus bħala persuna qrib ħafna tal-eks-Ministru Anton Refalo.
Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissrulna li fil-jiem li għaddew l-ogħla tmexxija fil-Ministeru għal Għawdex kienet kostretta tgħaddi informazzjoni lill-Pulizija biex tiskatta investigazzjoni dwar għoti ta’ kuntatti b’mod irregolari u abbużiv lil terzi kuntratturi u dan kollu allegatament seħħ tul il-leġiżlatura li għaddiet meta l-Ministru għal Għawdex kien Anton Refalo.
Matul ix-xogħol li għamlet ilbieraħ filgħodu l-Pulizija tad-DIK f’Għawdex, il-Pulizija jidher li ma tantx kienu ħelwin mal-Perit Anġelo Portelli li kien mistoqsi speċifikament dwar l-għoti ta’ ċerti kuntratti lil terzi kuntratturi f’Għawdex.
Nifhmu li f’ċerti mumenti waqt din l-interrogazzjoni – li saret fl-uffiċċju tal-istess Perit Portelli li iżda nżamm magħluq biex ħadd ma jkun jista’ jidħol fih – kien hemm preżenti wkoll is-Segretarja tal-Perit li f’ħinijiet minnhom jidher li kienet aġitata ħafna.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna wkoll li matul is-sessjoni ta’ interrogazzjoni l-Pulizija talbu lill-Perit Anġelo Portelli biex jitteħdulu kopja tal-impronti ta’ subgħajh. Nifhmu li fi tmiem l-investigazzjoni tal-bieraħ – li mistennija tissokta f’dawn il-jiem – il-Pulizija elevaw ukoll xi dokumenti u files għal aktar stħarriġ, fosthom u mhux eskluż dwar il-bini tad-dar tal-anzjani f’Għawdex.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon żiedu jgħidulna wkoll li fuq il-lista għal investi-gazzjonijiet u interrogazzjonijiet mill-Pulizija hemm ukoll Tony Debono magħruf bħala ‘In-Niksu’ li kien inħatar mill-eks-Ministru Anton Refalo biex imexxi l-Kejselli, il-post fix-Xewkija Għawdex minn fejn jinħarġu l-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
Nifhmu li dwar din l-investigazzjoni l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qed tinżamm infurmata.
Tajjeb li jingħad li l-persuna aħħarija responsabbli mid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali hu Silvio Valletta li jiġi r-raġel tal-istess Ministru għal Għawdex.
Sadanittant tard il-Ħamis filgħaxija l-Ministeru għal Għawdex ħareġ stqarrija li fiha kkonferma l-investigazzjoni li hu qal li qed issir “dwar allegat irregolaritajiet f’tenders ta’ kostruzzjoni ta’ toroq mill-2004 ’il hawn.”
Il-Ministeru qal li b’rabta ma’ dan il-każ tliet impjegati kienu sospiżi mill-bieraħ stess.
//= $special ?>