Kunsilli Lokali Lokali

L-Oppożizzjoni se tipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar ir-riforma fil-Kunsilli Lokali

L-Oppożizzjoni se tkun qed tipparteċipa l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar ir-riforma fil-Kunsilli Lokali sabiex ir-riforma indikata mill-Gvern tkun tirrifletti wkoll il-ħsibijiet tal-Oppożizzjoni.

Qal dan il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar waqt numru ta’ laqgħat li kellu fil-jiem li għaddew. F’dawn il-laqgħat, Robert Cutajar ltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis, mad-Direttur tal-Kunsilli Lokali Adrian Mifsud u mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

F’dawn il-laqgħat, Robert Cutajar tkellem dwar dak li l-Oppożizzjoni se tkun qed taħdem fix-xhur li ġejjin b’rabta mal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna. Hu saħaq li l-Kunsilli Lokali jeħtiġilhom li jkomplu jkunu relevanti mhux biss għas-soċjetà Maltija b’mod ġenerali, iżda wkoll għall-bżonnijiet tal-familji Maltin u Għawdxin.

F’dawn l-istess laqgħat, id-Deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-fatt li l-Oppożizzjoni lesta tikkontribwixxi u tagħti is-sehem tagħha fir-riforma li l-Gvern qed jgħid li se jkun qed jagħmel.

“Huwa naturali li bħala Partit Nazzjonalista, il-fatt li kienu amministrazzjonijiet Nazzjonalisti li welldu u kabbru l-Kunsilli Lokali, issa anke mill-Oppożizzjoni, inħossu l-obbligu u d-dover li nkomplu nagħtu s-sehem tagħna”, qal Robert Cutajar f’dawn il-laqgħat.