#muscatgate Lokali

PANAMA PAPERS: Muscat ġabna agħar mill-Pakistan – PN

Il-Prim Ministru Joseph Muscat
"Il-Partit Nazzjonalista, kif dejjem insista l-Kap tal-Partit Simon Busuttil, se jibqa jistinka sakemm issir il-ġustizzja"

Is-sitwazzjoni f’pajjiżna tant tinsab fi stat assurd li pajjiż bħall-Pakistan spiċċa jagħtina lezzjoni dwar kif għandha ssir ġustizzja. Hekk sostna l-PN fi stqarrija maħruġa llum.

Bħal f’Malta, il-Prim Ministru tal-Pakistan qed jiffaċċja allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni b’involviment dirett fil-Panama Papers. Illum il-Qorti Suprema tal-Pakistan iddeċidiet li tiskwalifikah mill-kariga għaliex mhux bniedem onest u ma jixraqlux ikun fil-ħajja pubblika.

F’Malta, mhux biss il-Prim Ministru huwa suġġett ta’ investigazzjoni kriminali, iżda anke jeżistu provi konkreti ta’ ħasil ta’ flus mill-eqreb kollega tiegħu, ċ-Chief of Staff Keith Schembri.

F’pajjiżna, iżda, mhux talli l-klikka korrotta ta’ Kastilja ma rriżenjatx iżda talli qed tagħmel minn kollox biex lanqas biss issir investigazzjoni dwar dan l-akbar skandlu politiku li qatt eżista. Tant li, wara li din il-ġimgħa, il-Qorti tal-Maġistrati laqgħet talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex tiftaħ investigazzjoni kriminali dwar l-iskandlu tal-Panama, il-Prim Ministru, Keith Schembri u Konrad Mizzi appellaw mid-deċiżjoni sabiex jibqgħu jagħmlu minn kollox biex l-investigazzjoni ma ssirx. Dan juri kemm għandhom x’jibżgħu minn investigazzjoni.

Flok l-aqwa fl-Ewropa, Joseph Muscat ġabna agħar mill-Pakistan fejn tidħol il-ġustizzja. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista, kif dejjem insista l-Kap tal-Partit Simon Busuttil, se jibqa jistinka sakemm issir il-ġustizzja anki f’Malta.