Elezzjoni Kap PN Lokali

FILMAT: “Il-PN irid jerġa’ jsir l-aġent tal-bidla” – Chris Said

Il-Partit Nazzjonalista mill-ġdid irid isir il-partit li jkun l-aġent tal-bidla. Iddikjara dan Chris Said, wieħed mill-kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Biex dan isir, Chris Said ħabbar li grupp ta’ esperti minn oqsma differenti tas-soċjetà, fosthom soċjoloġi, ekonomiċi u esperti tad-demografija fost l-oħrajn se jkollhom l-inkarigu li jwettqu studju dwar is-soċjetà.

Dan l-istudju jrid jagħti stampa ċara tas-soċjetà u l-mod kif din tinbidel f’numru ta’ suġġetti fosthom ix-xogħol, il-kwalità tal-ħajja, il-mod kif il-membri tas-soċjetà jgħixu flimkien, it-tmexxija tajba, il-komunikazzjoni u l-edukazzjoni.

L-istudju jrid iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet dwar kull suġġett u mhux se jkun studju ta’ darba iżda għandu jibqa’ jiġi aġġornat biex il-Partit Nazzjonalista jkollu idea ċara tas-soċjetà u kif qed tiżviluppa.

L-idea hi li l-Partit Nazzjonalista jkun hu li jġib il-bidla li jkollha bżonn is-soċjetà, u mhux isegwi d-deċiżjonijiet ta’ ħaddieħor jew jibqa’ passiv. Dan fl-istess waqt li mill-ġdid, il-Partit Nazzjonalista jibni tim ta’ ħassieba li ma jkunux biss edukaturi jew professjonisti iżda li jirrappreżentaw b’mod sħiħ lis-soċjetà b’mod sħiħ.