“Il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jsir il-partit naturali tas-self-employed.” Iddikjara dan il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta.
Wara li dar numru ta’ ħwienet, Delia ħabbar numru ta’ proposti għas-self-employed, li uħud minnhom qal li jixtieq li jibdew jitwettqu saħansitra mill-Oppożizzjoni.
Fosthom il-proposti li ħabbar hemm it-twaqqif ta’ ‘Business Clinic’ li jkollu l-għan li jgħin lin-negozji ż-żgħar fil-problemi ta’ kuljum tagħhom. “Dan għandu jkun one-stop shop għal persuni self-employed li għandhom diffikultajiet biex jimxu ‘l quddiem. Mill-Oppożizzjoni se jibdew noffru l-għajnuna u malli nkunu fil-Gvern noħolqu aġenzija speċifika għal dan l-għan”, spjega Delia.
Proposta oħra hija t-twaqqif ta’ ‘Access Point’ għal dawk is-self-employed li għandhom bżonn aċċess għal pariri dwar kif jieħdu soft-loans, kif jaderixxu mal-obbligi ta’ taxxa, kif japplikaw għal permessi differenti u affarijiet oħra tekniċi li ġie jxekklu persuni b’kapaċità li jiġġeneraw in-negozju minħabba l-burokrazija żejda.
“Flimkien mal-assoċjazzjonijiet tan-negozju rridu nidentifikaw ukoll il-problemi u nagħtu vuċi kontra min qed joħnoq il-kompetizzjoni ġusta billi ma jonorax l-obbligi meħtieġa, bħal pereżempju dawk li jbiegħu online,” żied jgħid.
Proposta oħra hija t-twaqqif ta’ ‘Knowledge Bank’ fejn dawk li jridu jkunu aġġornati dwar opportunitajiet u tibdil fil-qafas leġiżlattiv fejn jidħol in-negozju, jkollhom aċċess dirett għal din l-informazzjoni kif ukoll opportunità li din tiġi spjegata lilhom fi kliem li jinfthiem ma’ kulħadd.
Adrian Dellia semma wkoll li għandu jitfassal programm biex jgħin individwi li jixtiequ jibdew negozju ġdid filwaqt li tingħata għajnuna għal ħolqien ta’ ‘start-ups’.
Spjega li biex dawn il-proposti jseħħu mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista għandu jagħmel ‘outreach programme’ biex dawk kollha li jridu jgħinu lill-partit, joffru ‘Bucket ta’ sigħat’ f’għajnuna professjonali.
“Mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista jrid jagħti prova tal-intenzjonijiet tajba lejn dan is-settur,” spjega il-kandidat għall-Kap tal-PN. “Id-dokument imħejji minn Claudio Grech dwar is-self-employed kien eċċellenti u jien nixtieq nibni fuq dak id-dokument,” żied jispjega.
Meta kien qed jitkellem dwar il-kuntatt mas-self-employed, Adrian Delia spjega kif il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jsir il-partit naturali tagħhom. “Anke mill-Oppożizzjoni stess irridu nagħtu sinjal ċar ħafna li aħna, is-self-employed, kif ukoll setturi oħra li imbagħad nitkellmu dwarhom, ħa nibdew ngħinuhom anke mill-Oppożizzjoni. Stedina miftuħa, preċiża u ffukata, biex niġbdu lura lejn il-partit tagħna dan is-settur li niddejaq ngħid, għal xi snin insejnih,” sostna Delia.
Intant meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Adrian Delia qal li hu m’għandu ftehim ma’ ħadd għax l-elezzjonijiet interni għal-uffiċjali għandhom ikunu demokratiċi. Ħabbar li meta jkun fil-Parlament jippubblika d-dikjarazzjoni tal-assi b’dak kollu li għandu kemm issa kif ukoll dak li se jkollu dak iż-żmien. Tenna wkoll l-impenn li jagħti free-vote fuq kwistjonijiet etiċi u morali wara diskussjoni fil-partit.
//= $special ?>