Lokali

FILMAT: Sodisfazzjon fost il-parteċipanti

Eluf ta’ ewro li nġabru f’donazzjonijiet mistennija jingħataw lill-Università sabiex tkompli ssaħħaħ ir-riċerka tagħha dwar mard fil-kliewi qalb it-tfal.

Waslu lura l-parteċipanti tal-Lifecycle Challenge 2017 hekk kif l-isfida ta’ din is-sena twettqet fil-Kenja u t-Tanzanija fejn iċ-ċiklisti saqu minn Nairobi sa Dar El Salaam.

Għal dawk li ħadu sehem f’din l-isfida żgur kienet mimlija esperjenzi u opinjonijiet differenti hekk kif l-età tal-parteċipanti varjat bejn it-23 u s-70 sena.

Din l-isfida żgur mhux forsi laqqgħet il-parteċipanti mal-elementi naturali, toroq imħarbta, ħsara fir-roti u nuqqas ta’ kumdità, iżda lkoll staqarrew li l-ħsieb tal-pazjenti morda bil-kliewi, li għalihom saret din l-isfida, kien baqa’ jimmotivahom sal-aħħar.

Filwaqt li l-għan ta’ din l-isfida kienet li jinġabru fondi b’risq dawk il-persuni li għandhom problemi fil-kliewi, eluf ta’ ewro li nġabru f’donazzjonijiet mistennija jingħataw lill-Università sabiex tkompli ssaħħaħ ir-riċerka tagħha dwar mard fil-kliewi qalb it-tfal.

L-isponsor ewlieni għall-isfida ta’ din is-sena kien Foster Clark, li ta donazzjoni ta’ €25,000.