Internazzjonali

Il-Ġermanja: L-aggressur ta’ Hamburg huwa ‘Iżlamista’

Ir-raġel li, nhar il-Ġimgħa, wettaq l-attakk qattiel f’supermarket fil-belt Ġermaniża ta’ Hamburg kien żvelat bħala ‘Iżlamista magħruf’ mill-pulizija. Intant, ma jidhirx li r-raġel ta’ 26 sena għandu xi reputazzjoni bħala ġellieda tal-jihad  (il-gwerra qaddisa tal-Islam).

Dan ir-raġel kien uża sikkina biex jattakka lin-nies fis-supermarket fejn persuna tilfet ħajjitha, u b’sitta oħra jisfaw midruba. Magħruf li s-suspettat, imwieled fl-Emirati Għarab u li kienu fallewlu tentattivi għal kenn politiku, ibati minn diversi issues psikoloġiċi.

Kien ikkonfermat li r-raġel ta’ 26 sena mexxa l-attakk waħdu sakemm spiċċa mrażżan min-nies li kienu għaddejjin minn quddiem is-supermarket u li ħebbew għalih wara li hu ħareġ mill-kumpless. Madankollu, il-Pulizija ma teskludix li l-aggressur seta kellu l-kompliċi ‘moħbija’, bir-rapporti jgħidu li r-raġel ma jistax ikun iddeportat mill-Ġermanja peress li mgħandux dokumenti ta’ identifikazzjoni.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet għadhom ma jafux il-veru skop wara l-attakk fis-supermarket tal-kumpannija Edeka, li jinsab fir-reġjun ta’ Barmbek lejn it-Tramuntana ta’ Hamburg.