Il-Pakistan illum iddeċieda dwar Prim Ministru ġdid wara li Nawaz Sharif irriżenja mill-kariga b’konsegwenza tad-dettalji dwar il-kumpanniji offshore li kienu żvelati fl-iskandlu tal-Panama Papers. Il-Qorti Suprema tal-Pakistan, sigħat qabel, kienet skwalifikat lil Nawaz Sharif mill-kariga ta’ Prim Ministru u l-istess Sharif, illum, mexxa l-laqgħat biex ikun deċiż is-suċċessur tiegħu.
L-iskwalifika ta’ Sharif ibbażat fuq ‘id-diżonestà’, u bid-digriet tal-qorti jesiġi biex jitressqu każi ta’ korruzzjoni kontra l-eks Prim Ministru Pakistani u uliedu b’konnessjoni mal-imsemmi skandlu.
Il-Panama Papers jinvolvu ħażna ta’ 11.5 miljun rekord diġitali tal-kumpannija legali Mossack Fonseca, li hi bbażata fil-Panama, b’dawn ir-rekords jiżvelaw kif is-sinjuruni tad-dinja użaw kumpanniji offshore biex jaħbu l-assi tagħhom. In-nies li nkixfu fl-iskandlu jvarjaw minn politiċi, sa kapijiet ta’ Stat, negozjanti u ismijiet famużi fl-isport, b’dawk implikati jkunu ġejjin mill-pajjiżi kollha tad-dinja.
Sadanittant il-Partit Lega Musulmana tal-Pakistan iltaqa’ biex jiddiskuti l-kandidati għall-karigi ta’ Prim Ministru u President ġdid tal-partit, kif ukoll bħala membri tal-Kabinett f’Islamabad.
L-aħħar rapporti qalu li Shahbaz Sharif, li jiġi ħu Nawaz Sharif, spiċċa ddikjarat bħala ‘il-magħżul’ għall-kariga ta’ Prim Ministru, skont id-deċiżjoni tal-Partit tal-Lega li jmexxi lill-Gvern f’Islamabad.
Intant, Shahbaz Sharif, li hu l-Gvernatur tal-provinċja ta’ Punjab, irid l-ewwel ikun elett għall-Assemblea Nazzjonali tal-Pakistan, meta għalissa mhux membru tal-Parlament Pakistani. Għalissa, l-eks Ministru Pakistani għall-Petroleum, Shahid Khaqan Abbasi, għandu jservi bħala Prim Ministru fuq żmien temporanju.
Aktar qabel, Kulsoom Nawaz, il-mara tal-Prim Ministru skwalifikat, ukoll kienet qed tissemma ‘fost il-favoriti’ għall-kariga ta’ Prim Ministru Pakistani.
Fil-preżent, ħadd ma jista’ jispjega jekk, fiċ-ċirkustanzi, Nawaz Sharif hux skwalifikat ‘tassew’ għal għomru milli jokkupa kariga pubblika fil-Pakistan. Dan meta hemm mhux ftit tal-konfużjoni dwar dan il-fattur fost l-esperti legali u l-osservaturi politiċi.
Nawaz Sharif dejjem ċaħad li hu ħati dwar korruzzjoni jew ħabi ta’ assi mhux iddikjarati, iżda l-leaks mill-Panama Papers – u l-allegazzjonijiet inevitabbli — qajjmu ferment sħiħ fil-Pakistan dwar l-istil ta’ ħajja lussuża ta’ Sharif u familtu. Dan meta tlieta fost l-erba’ ulied ta’ Sharif huma wkoll implikati fil-Panama Papers.
Hu minnu, intant, li din kienet it-tielet darba li kellu jintemm ħesrem mandat ta’ poter għal Nawaz Sharif, bil-verdett tal-Qorti Suprema titfa’ lill-Pakistan fi kriżi politika fi żmien meta qed jiffaċċja l-problemi ekonomiċi u spinta fl-azzjonijiet tal-gruppi militanti.
//= $special ?>