Lokali

Il-PD se jitlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga ksur ta’ kundizzjonijiet fi Smart City

Il-Partit Demokratiku se jitlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga għaliex inkisru l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tal-għoti tal-art ta’ Smart City iżda l-istess żona fil-Kalkara ma tteħditx lura mill-Gvern.

Ħabbret dan il-Kap tal-Partit Demokratiku marlene Farrugia f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tkellmet dwar rapporti li l-użu taż-żona ta’ Smart City se jinbidel minn proġett ta’ kumpaniji tal-informatika u t-teknoloġija għal użu spekulattiv.

Fl-aħħar jiem ġurnali indipendenti qalu li l-art se tgħaddi minn investitur għal ieħor li għandu f’moħħu li jibni sptar, lukanda u numru ta’ residenzi b’sulari ogħla minn dak permess attwalment.

Marlene Farrugia staqsiet għaliex il-Gvern mhux biss ma ħax passi, iżda lanqas biss informa lill-parlament b’dawn l-iżviluppi, kif isir f’kull pajjiż demokratiku ieħor.

Fid-dawl ta’ dan, l-Awditur Ġenerali se jintalab jinvestiga għaliex ma tteħdux passi fid-dawl tal-ksur tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, kemm akkwista jew tilef il-poplu mill-bidla fl-investituri ta’ Smart City u għaliex l-investituri ġodda huma ċerti li l-art se titħalla tintuża għal skop spekulattiv minkejja li l-proġett ġdid għadu ma marx quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.

Marlene Farrugia fakkret kif il-Partit Laburista oriġinarjament kien kontra l-iżvilupp fi Smart City, u kien ilmenta li l-prezz oriġinali kien baxx wisq, iżda issa għamel u turn u jidher li se jaċċetta proġett spekulattiv fiż-żona li jwassal biex il-prezz tal-art ikompli jsir dejjem irħas.

Fid-dawl ta’ dan, madankollu, il-Partit Demokratiku għamilha ċara li mhux kontra l-iżvilupp, sakemm dan isir b’mod sostenibbli, l-art tkun użata bl-aħjar mod possibbli u ċ-ċittadini jkunu mħarsa.