Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea tibda azzjoni kontra l-Polonja dwar ir-riformi ġudizzjarji

Il-Kummissjoni Ewropea bdiet azzjoni legali fil-konfront tal-Polonja, f’sitwazzjoni fejn il-Gvern Pollakk jidher li qed jipprova jtellef  mill-indipendenza tal-imħallfin f’pajjiżu.

Intant, l-awtoritajiet f’Varsavja għandhom sa xahar żmien biex iwieġbu għat-tħassib tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissarji tal-UE iddeċidiet biex tibda proċedura magħrufa bħala ‘infringement procedure’ wara li l-Polonja abbużat il-liġi stabbilita tal-UE. Dan hu l-ewwel pass fi proċess legali li jista’ jispiċċa quddiem l-Ogħla Qorti tal-Unjoni, u meta l-pubblikazzjoni tal-liġi ġdida tal-Polonja għadha pendenti.

Il-Kummissjoni Ewropea hi mħassba dwar il-poter li qed jingħata lill-Ministru tal-Ġustizzja Pollakk li jista’ jagħżel jekk itawwalx il-mandati tal-imħallfin li jaslu għall-età tal-irtirar. Il-Ministru, f’dan il-każ, qed jingħata wkoll il-poter biex ikeċċi u jaħtar il-Presidenti tal-qrati.

Intant, il-Kummissjoni, permezz ta’ stqarrija, sostniet li ‘ir-regoli ġodda jippermettu lill-Ministru għall-Ġustizzja ( Pollakk) biex jimponi l-influwenza tiegħu fuq l-imħallfin  fuq bażi individwali.’ L-istqarrija tkompli li ‘dan jista’ jista’ jsir, b’mod partikulari, permezz ta’ kriterja vaga li ttawwal il-mandati u li, fl-istess ħin, ittellef mill-prinċipju li l-imħallfin ma jitneħħewx minn posthom’.

Minn aspett legali qed tagħti wkoll lok għal tħassib l-introduzzjoni ta’ etajiet differenti għall-irtirar fir-rigward tal-imħallfin nisa (bl-età jkun stabbilit mas-60 sena) u l-imħallfin irġiel (65 sena) fil-Polonja.

Il-President tal-Polonja, Andrzej Duda, nhar it-Tlieta, iffirma l-abbozz bħala liġi għall-qrati komuni fil-pajjiż. Intant, il-President imblokka żewġ abbozzi oħra li kienu jagħtu l-poter lill-Gvern u lill-Parlament tal-Polonja biex jibdlu lill-imħallfin mal-Qorti Suprema – b’din l-inizjattiva tintlaqa’ tajjeb minn Brussell.

Fl-istess ħin, il-Gvern Pollakk, li hu ewroxettiku, ċaħad il-protesti ta’ Brussell bħala ‘rikatt u kritika mhix ġustifikata’. Dan meta l-istess Gvern tal-Polonja qal li jinsab dispost xorta għal taħditiet li jirrisolvu l-kwistjoni.

L-Ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans bagħat ittra lill-Ministeru Pollakk għall-Affarijiet Barranin fejn wassal mill-ġdid l-istedina lill-Ministru kkonċernat kif ukoll lill-Ministru Pollakk responsabbli mill-Ġustizzja biex jiltaqgħu fi Brussell fejn jistgħu jkomplu bid-djalogu.

Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tattiva Artiklu 7 – proċess legali li jissospendi d-drittijiet tal-vot tal-Polonja fl-UE – f’każ li l-Gvern ta’ Vartsavja jippersisti bil-pjani biex itellef l-indipendenza tal-ġudikatura u l-amministrazzjoni tal-liġi fil-Polonja.