L-eksplejer leġġendarju Diego Maradona ammetta li l-gowl li skurja fil-partita tal-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-1986 kontra l-Ingilterra kien b’idu u qal li llum-il ġurnata dak il-gowl kien faċilment ikun imħassar grazzi għall-użu tat-teknoloġija.
Dan l-aħħar bdiet tintuża s-sistema tal-VAR, il-Video Assistant Referee li hi sistema li tintuża fejn jidħlu għoti ta’ penalties, jew gowls l-aktar meta r-referee jkun tilef il-pożizzjoni jew il-perspettiva tiegħu sabiex jiddeċidi fuq azzjoni simili.
Il-VAR diġa’ intużat f’Diċembru li għadda waqt it-Tazza tad-Dinja tal-FIFA għall-Clubs fil-Ġappun u xahar ilu ntużat waqt it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.
F’kummenti li ta Maradona qal li jaqbel mal-użu tat-teknoloġija, anke jekk hemm ħafna li maqdru din is-sistema.
“Kull meta nitkellem favur it-teknoloġija dejjem naħseb fil-gowl li skurjajt kontra l-Ingliżi. Forsi ftit jafu li fit-Tazza tad-Dinja tal-1990 jien ukoll kont użajt idi biex intajjar ballun minn fuq il-linja fil-logħba kontra l-Unjoni Sovjetika. Il-futbol ma jistax ma javanzax u minkejja li hemm ħafna li jgħidu li dan hu ħela ta’ ħin imma dejjem aħjar jinħela ftit ħin milli jkun hemm inġustizzja,” kompla jgħid Maradona.
“It-teknoloġija tippremja lil dawk it-timijiet li jirriskjaw li jattakkaw.”
Ta’ min jiftakar li fl-1986, l-Arġentina kienu għelbu lill-Ingilterra u fl-istess logħba Maradona kien skurja gowl ieħor li baqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aqwa gowls fl-istorja tal-futbol. It-tim Arġentin baqa’ sejjer biex rebaħ il-kompetizzjoni.
Filwaqt li Maradona ammetta li l-gowl tiegħu kien ikun imħassar illum-il ġunrata u fakkar li li kieku intużat it-teknoloġija l-Ingilterra ma kinitx tirbaħ it-Tazza tad-Dinja fl-1966 għax skont hu l-gowl li skurjaw fil-finali kontra l-Ġermanja kien irregolari.
Riċentament il-President tal-FIFA stess Gianni Infantino faħħar l-esperiment li sar waqt it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet u qal li din is-sistema, il-VAR, hi l-futur tal-futbol.
Dwar il-VAR tkellem anke Pierluigi Collina l-eksreferee internazzjonali Taljan li attwalment qed jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Kumitat tar-Referees u qal li diġà tkellem ma’ xi referees u qalulu li qed iħossu inqas pressjoni fuqhom la darba jafu li hemm din is-sistema li tgħinhom.
//= $special ?>