Lokali

Raġel iweġġa’ gravi fi ġlieda b’sikkina ġo dar f’Ħaż-Żabbar

Raġel ta’ 59 sena ddaħħal l-isptar isofri minn ġrieħi gravi wara argument li nqala kmieni dalgħodu f’residenza f’Ħaż-Żabbar.

Kien għall-ħabta tat-tlieta ta’ dalgħodu li l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm argument f’residenza li tinstab fi Triq A. Caligari.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li kien seħħ argument bejn raġel ta’ 59 sena u ġuvni ta’ 27 sena li t-tnejn jgħixu fl-istess residenza. Jidher li waqt l- argument intużat arma li taqta’ u bil-ponta.
Peress li r-raġel sofra xi ġrieħi, fil-post issejħet ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

Il-ġuvni ta’ 27 sena qed jinżamm mill-Pulizija għal aktar stħarriġ.

Bil-każ kienet informata l-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli li ordnat biex issir Inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għadejjin.