Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, qal li l-aħħar prova ta’ missila ballistika interkontinentali minn pajjiżu indikat li Pyongyang, jekk irid, hu kapaċi biex jolqot it-territorju sħiħ tal-Istati Uniti.
Dan meta l-Korea komunista qed tiftaħar bis-suċċess tal-prova li saret proprju tliet ġimgħat wara li l-istess pajjiż ipprova missila interkontinentali oħra, fost l-għadab tal-ġirien u l-kumplament tad-dinja. Fil-fatt, Kim Jong-un wassal il-messaġġ li l-aħħar prova ta’ missila għandha sservi bħala ‘twissija ħarxa għall-Istati Uniti’.
Il-missila involuta fl-aħħar prova tidher li rnexxiet aktar minn dik li l-Korea komunista pruvat fit-3 ta’ Lulju. Dan fost rapporti li l-missila inkwistjoni taret aktar fil-għoli u wasslet aktar fit-tul ‘minn dik preċedenti’; bl-iżviluppi jindikaw li l-militar komunista jista’ jolqot ‘aktar ‘il ġewwa fil-qalba tal-Istati Uniti’ milli ħasbu qabel.
Il-missila, Hwasong-14, hi simili għall-mudell li ntuża waqt il-prova fil-bidu tax-xahar u, din id-darba, damet fl-ajru għal talanqas 47 minuta qabel niżlet fil-Baħar tal-Ġappun.
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, fisser din il-prova bħala waħda perikoluża u irresponsabbli mir-reġim fi Pyongyang, bil-kundanna ma tonqosx mill-Korea t’Isfel u l-Ġappun. Iċ-Ċina, bħala alleata tal-Korea ta’ Fuq, ukoll ikkundannat il-prova iżda ħeġġet biex il-partijiet interessanti jkunu kawti u jżommu lura minn azzjoni li jżidu t-tensjoni.
L-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel irreaġew għall-prova mill-Korea komunista b’eżerċizzju militari konġunt li fih kienu sparati missili tat-tip surface-to-surface. Il-missili kienu sparati lejn l-ibħra territorjali tal-Korea t’Isfel, b’kelliema għall-Gvern f’Seoul isostnu li ‘qed iħejju miżuri indipendenti biex irażżnu t-theddida tal-ġar’.
Skont l-aħħar rapporti, il-Pentagon tal-Istati Uniti qal li il-prova ta’ nhar il-Ġimgħa mill-Korea ta’ Fuq saret mill-provinċja ta’ Jagang, lejn in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.
Intant, il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, wissa t-theddida tal-Korea komunista għal pajjiżu hi waħda ‘reali u gravi’, bl-Istati Uniti tagħmilha ċara li tinsab lesta ‘biex tiddefendi l-interessi tagħha u tal-alleati kontra kull attakk u provokazzjoni’.
Fl-istess ħin, numru ta’ esperti jemmnu li l-Korea ta’ Fuq għad mgħandhiex il-kapaċità biex tistalla warhead żgħir nukleari għal fuq missila li twassal fuq distanzi twal. Huma, fl-istess ħin, ma jaħsbux li l-Korea komunista tista taċċerta li din il-missila tolqot mira speċifika ‘mingħajr il-problemi’.
//= $special ?>