Sport Sport Ieħor

ŻWIEMEL – Zinnobar u Topo De Bassiere jirbħu l-finali ewlenin

Il-jockey Michael Sultana, is-sidien tad-debba Zinnobar u partitarji jiċċelebraw ir-rebħa ta’ din id-debba fil-finali tal-Mediterranean Derby.

Kenneth Vella

Is-36 laqgħa tal-istaġun li saret il-Ġimgħa filgħaxija fil-korsa tal-Marsa kkonsistiet minn tmien tiġrijet, sebgħa tat-trott u waħda tal-galopp. Is-seba’ tiġrijiet tat-trott kienu kollha finali ta’ kampjonati Sajfin fuq distanza qasira ta’ 2140m filwaqt li l-uniku tiġrija tal-galopp kienet il-finali tal-prestiġjuża Mediterranean Derby fuq distanza twila ta’ 1750m.

Din il-finali tal-galopp rat il-konferma tal-Ingliża Zinnobar filwaqt li fil-finali l-aktar importanti tat-trott, dik tal-klassi Premier, kien hemm is-suċċess ta’ Topo De Bassiere.

Fil-finali tal-Mediterranean Derby ġrew b’kollox seba’ żwiemel. Din it-tiġrija ħadet żvolta oħra 500m mill-linja finali. Dan għax kien f’dak il-ħin li l-jockey Michael Sultana poġġa lil Zinnobar quddiem. Din id-debba Ingliża kompliet iżżid fil-ġiri fl-aħħar metri biex qasmet il-linja finali l-ewwel b’vantaġġ kbir ta’ madwar 15–il tul minn Lord Unfuwain (Omar Cauchi) u Crazy Feeling (George Falzon). Safari Storm (Justin Attard) temm fir-raba’ pożizzjoni. Għal Zinnobar din kienet it-tieni rebħa staġjonali u l-ħames suċċess minn daqstant dehriet ġewwa Malta.

Fil-finali Premier ġrew b’kollox 12-il żiemel. Kien il-Franċiż Topo De Bassiere (Julian Farrugia) li żamm l-ewwel post għal parti twila tad-distanza. Dan irnexxilu jieħu t-tieni rebħa tiegħu fi xtutna iżda mhux qabel ma xejjen l-isfida ta’ Franċiż ieħor, Tip Top Nelliere (Michael Ellul), f’nofs id-dritta finali. Il-kwotat Service Secret (Andrew Farrugia) temm fit-tielet pożizzjoni minn Quartz De Vindecy (Carmelo Farrugia). Intant ir-rebbieħ kellu medja tajba ta’ 1.14.7” fil-kilometru.

Il-kumplament tal-finali tat-trott kienu riservati għal żwiemel tal-klassi Gold, Silver, Bronze u Copper. Kif mistenni, fil-finali tal-klassi Gold kien Tenor Orange li ħa r-raba’ rebħa konsekuttiva u f’Malta meta misjuq mis-solitu Charles Camilleri). Dan zied fil-ġiri speċjalment matul l-aħħar 300m biex qasam il-linja finali l-ewwel b’tul minn J.C. Memory (Rodney Gatt) u Enzo Nova (Redent Magro). M.T. Gogogirl (Nathaniel Barbara) wkoll kellha wirja pozittiva meta spiccat warajhom fir-raba’ pozizzjoni.

Tenor Orange rnexxilu jirreġistra l-ahjar medja tas-serata, dik ta’ 1.14.5” fil-kilometru.

Il-finali Silver A kienet waħda kumbattuta u eċċitanti sal-linja finali. Fil-fatt din żviluppat fi dwell missielet u tmiem inċert bejn żewġ żwiemel li ġejjin mill-istess stalel, dawk ta’ Charles Magro, jiġifieri Hallas Judex u Charm Blou. Kien tal-ewwel li f’idejn Julian Farrugia ħa t-tieni rebħa konsekuttiva u f’Malta minn Charm Blou misjuqa minn Magro stess. Uranus Darche (Alex Cortis) u Palazio Valterne (David Ellul) daħlu warajhom f’dik l-ordni.

Ta’ min jinnota li fi tmiem kull finali, il-preżentazzjoni lir-rebbieħa tmexxiet minn Edwin Borg, chairman tal-Malta Racing Club. L-istaġun 2017 issa jitkompla f’nofs Settembru li ġej.

Ir-riżultati kollha
I Tiġrija. Finali Klassi Copper. Dist – 2140m. 1. Aster Jador (C. Camilleri) Ħin – 2.46.2” (1.17.6”) 2. Baptiste Menuet (M. Desira) 3. Amiral Benault (P. Galea) 4. Iliana (B. Debono)
II Tiġrija. Finali Klassi Silver B. Dist – 2140m. 1. Broslatts Boy (E. Mallia) Ħin – 2.43.2” (1.16.3”) 2. Urgo d’Ouxy (J. Said) 3. Lajos Bellan (N. Baldacchino) 4. Udjo Du Gilwesk (J. Attard)
III Tiġrija. Finali Mediterranean Derby. Klassi Galopp. Dist – 1750m. 1. Zinnobar (M. Sultana) Hin – (1.47.4”) 2. Lord Unfuwain (O. Cauchi) 3. Crazy Feeling (G. Falzon) 4. Safari Storm (J. Attard)
IV Tiġrija. Finali Klassi Bronze B. Dist – 2140m. 1. Julle Juvel (M. Bonnici) Ħin – 2.45.3” (1.17.2”) 2. Belina De Fresney (Ch. Farrugia) 3. Nouveaux De Vie (K. Galea) 4. Saphir Censerie (C. Camilleri)
V Tiġrija. Finali Klassi Bronze A. Dist – 2140m. 1. Roc Magister (K. Axisa) Ħin – 2.45.8” (1.17.5”) 2. Ursan De Houssaye (N. Baldacchino) 3. Wee Speedy As (R. Gatt) 4. Baud Breton (C. Agius)
VI Tiġrija. Finali Klassi Silver A. Dist – 2140m. 1. Hallas Judex (J. Farrugia) Ħin – 2.41.9” (1.15.6”) 2. Charm Blou (C. Magro) 3. Uranus Darche (A. Cortis) 4. Palazio Valterne (D. Ellul)
VII Tiġrija. Finali Klassi Premier. Dist – 2140m. 1. Topo De Bassiere (J. Farrugia) Ħin – 2.39.8” (1.14.7”) 2. Tip Top Nelliere (M. Ellul) 3. Service Secret (A. Farrugia) 4. Quartz De Vindecy (C. Farrugia)
VIII Tiġrija. Finali Klassi Gold. Dist – 2140m. 1. Tenor Orange (C. Camilleri) Ħin – 2.39.4” (1.14.5”) 2. J.C. Memory (R. Gatt) 3. Enzo Nova (R. Magro) 4. M.T. Gogogirl (N. Barbara)