Futbol Sport

Barcelona jirbħu l-International Champions Cup b’rebħa fuq Real Madrid

Il-plejers ta' Barcelona wara l-partita kontra Real Madrid (Ritratt: EPA)

Barcelona kisbu rebħa tajba meta għelbu lil Real Madrid 3-2 fil-Hard Rock Stadium ta’ Miami f’logħba mill-International Champions Cup biex rebħu dan it-tournament. Minkejja li kienet partita ta’ ħbiberija, l-intensità tal-logħba xorta kienet teżisti f’logħba li tibqa’ meqjusa bħala derby.

Il-kowċ Katalan Ernesto Valverde beda bit-trio tal-attakk Lionel Messi, Luis Suarez u Neymar b’tal-aħħar jerġa’ jispikka minkejja l-ispekulazzjoni kollha dwar il-futur tiegħu.

Barcelona fetħu l-iskor wara biss tliet minuti logħob. Kien is-solitu Lionel Messi li rċieva passaġġ mingħand Sergio Busquets u b’azzjoni personali għeleb lil Keylor Navas b’xutt li kien imxellef minn Raphael Varane. Il-Katalani saħansitra għamluhom 2-0 fis-seba’ minuta b’xutt b’saħħtu ta’ Ivan Rakitic fil-baxx fir-rokna wara li passaġġ ta’ Neymar għadda tul il-kaxxa.

Real Madrid naqsu d-distakk fl-14-il minuta b’azzjoni personali tajba ta’ Mateo Kovacic li kkonkluda b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa li għeleb lil Cilessen. Il-Madrileni ġabu d-draw fis-36 minuta b’kontrattakk tajjeb minn tliet kwarti ta’ grawnd mibdi minn Marco Asensio li avvanza u qassam lejn Kovacic b’tal-aħħar jerġa’ jqassam lill-Ispanjol li minn quddiem il-gowlkiper avversarju ma żbaljax.

Iżda Barcelona skorjaw il-gowl li kellu jkun tar-rebħa fil-50 minuta meta free-kick mix-xellug ta’ Neymar sab lil Gerard Pique li żmarka ruħu tajjeb u b’konklużjoni mill-ewwel għeleb lil Navas.

Bħal ma jiġri f’dawn il-logħob, is-sostituzzjonijiet fit-tieni taqsima, jitilfu r-ritmu tal-logħba, madankollu Real Madrid xorta baqgħu jippruvaw li jiksbu d-draw xi ħaġa li iżda ma rnexxielhomx jagħmlu.