“Jeħtieġ li l-aġenda titpoġġa mill-Partit Nazzjonalista”. Qal dan il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione.
F’post fuq Facebook, Alex Perici Calascione qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux jirreaġixxi għall-aġenda li jagħmel ħaddieħor, u t-tfassil tal-aġenda politika tal-pajjiż għandha tkun waħda mill-prioritajiet ċari fit-tfassil u l-ippjanar tal-ħidma politika għall-Partit Nazzjonalista.
Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista żied jgħid li kull darba li fil-passat ħallejna lil ħaddieħor itellaq hu, u kull darba li ħallejna għall-aħħar il-pjanijiet tagħna, dejjem spiċċajna biex naqgħu fin-nassa li l-aġenda politika tkun imfassla minn ħaddieħor.
“Il-politika għandha titħaddem b’mod li nkunu dejjem pass ‘il quddiem” saħaq Alex Perici Calascione. Żied jispjega li b’hekk, inkunu qed naqdu lil pajjiżna bl-aħjar mod u bl-aqwa ħiliet tagħna.
Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista żied li jeħtieġ li f’kull każ, naħsbu minn qabel għal kull ma nafu li jkun ġej. Dan isir billi nitkellmu, naqsmu l-ħsibijiet, nisimgħu lil min jagħti l-kontribut tiegħu u fl-aħħar niddeċiedu.
“Naħsbu u naħdmu bħala Partit Rebbieħ”, temm jgħid Alex Perici Calascione.
https://www.facebook.com/alex.p.calascione/posts/10155439395300505
//= $special ?>