Ġurnalist u fotografu tal-Union Print kienu aggrediti waqt xogħlhom f’Buġibba. Dwar dan il-każ, il-General Workers’ Union (GWU) qalet fi stqarrija li tikkundanna bil-qawwa kollha l-aggressjoni li seħħet fuq il-membri tal-media tagħha.
“Huwa ta’ għajb li f’dan il-pajjiż għad fadal persuni li jippruvaw jirbħu l-argument billi jirrikorru għall-vjolenza fiżika biex jippruvaw jintimidaw lil dawk li ma jkunux jaqblu magħhom”, qalet il-GWU.
L-istqarrija tal-GWU iżżid li l-ġurnalist u l-fotografu tal-Union Print kienu qed iwettqu ħidma fil-libertà kollha kif mgħotija mil-Liġi Maltija li tħares u tippromwovi l-libertà tal-istampa.
“Il-GWU filwaqt li turi solidarjetà mal-ġurnalist u fotografu tagħha, titlob lill-Pulizija biex jieħdu l-passi kollha kif permessi mil-liġi kontra dawk li kienu responsabbli minn din l-aggressjoni u li għadhom maqbudin f’attitudni ta’ intolleranza u vjolenza tal-imgħoddi,” ittemm tgħid l-istqarrija.
L-IĠM jikkundanna
Anke l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna bil-qawwa kollha l-aggressjoni li ntużat kontra l-ġurnalisti tal-Union Print waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
L-IĠM qal li qed jappella lill-awtoritajiet konċernati biex jieħdu l-passi kollha neċessarji skont il-liġi kontra dawk kollha involuti f’dan l-att vjolenti li jimmina x-xogħol ta’ membri tal-media lokali.
Filwaqt li l-IĠM juri solidarjetà maż-żewġ impjegati tal-Union Press li sfaw fil-mira ta’ dan l-attakk, qal li jħeġġeġ lill-membri kollha tal-media lokali biex jirrapportaw għand l-IĠM u l-awtoritajiet konċernati kull każ ta’ theddid jew kull tip ta’ vjolenza kontrihom.
//= $special ?>