Ħaddiema tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jesprimu tħassib li skema ġdida ta’ bonuses lill-ħaddiema se tkun qed tippremja lil ħaddiema b’simpatiji Laburisti.
Ħaddiema li tkellmu mal-gazzetta Sunday Times of Malta qalu li din hi l-aħħar minn sensiela ta’ affarijiet li qed tiżdied l-influwenza partiġġjana f’din l-istituzzjoni indipendenti li bħalissa għandha bħala Gvernatur lill-eks President tal-Partit Laburista Mario Vella.
Sunday Times jirrapporta li s-sistema ta’ bonuses ġiet mibdula u issa, l-impjegati jistgħu japplikaw taħt dik li tissejjaħ Governor’s Award Scheme.
L-Applikazzjonijiet jiġu miflija minn bord li issa hu magħmul minn eks uffiċjali tal-GWU Charles Cassar u Cory Greenland u d-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali Sandro Demarco.
Mistoqsi mill-gazzetta għal reazzjoni uffiċċjali, kelliem għall-Bank Ċentrali qal li l-membri tal-Bord huma magħżula għall-integrita’ tagħhom u għall-esperjenza tagħhom fil-qasam tar-riżorsi umani u relazzjonijiet industrijali.
Wara r-rebħa elettorali tal-Partit Laburista fl-2013, diversi ħaddiema li kienu magħrufa li jappoġġjaw lill-Partit Laburista kienu trasferiti internament f’sezzjonijiet differenti. F’ħafna każi dan kien jinvolvi promozzjonijiet u f’kull każ persuni oħra twarrbu biex jagħmlulhom il-wisa’.
//= $special ?>