“Il-membri tal-Kumitati Sezzjonali mhumiex sempliċiment assistenti biex jiġbru t-tesseri, iżda huma politiċi wkoll, u għaldaqstant irridu nisimgħu l-ideat tagħhom.”
Qal dan il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien qed jiġi intervistat minn Angelo Micallef fuq Radio 101.
Adrian Delia qal li jekk jingħata l-privileġġ li jmexxi l-Partit Nazzjonalista, lest juża l-enerġija biex il-membri tal-Kumitati u l-Kunsilliera jingħataw l-ispazju biex huma wkoll ifasslu l-politika għan-nies b’Mod Ġdid ta’ tmexxija.
Fl-intervista tkellem ukoll dwar il-mod kif il-Partit għandu jiftaħ il-bibien u t-twieqi ħalli tidħol arja ġdida. Faħħar id-deċiżjoni tal-Partit li jħalli telefonati waqt intervisti bħal dawn, wara ilment li għamel aktar kmieni matul il-ġimgħa. Żied li l-Partit m’għandux jibża’ minn kritika ġenwina – iżda għandu jkun armat biżżejjed biex jiddefendi l-attakki ta’ min irid ikisser il-Partit.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-proposti li qed iħabbar ta’ kull ġimgħa, u rrefera għall-aħħar set ta’ proposti dwar is-self-employed. Qal li wasal iż-żmien li l-Partit Nazzjonalista jkun umli u jisma’ l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tas-self-employed, waqt li reġa’ elenka uħud mill-proposti li ħabbar.
“Għandna ħames snin biex nagħtu prova li kapaċi nagħmlu l-ħajja tan-nies aħjar jekk jafdawna bit-tmexxija tal-pajjiż,” temm jgħid Adrian Delia.
//= $special ?>