Lokali Parlament

L-editorjal ta’ The Times ifaħħar il-proposti tal-PN dwar ir-riforma fil-Parlament

Kliem ta’ tifħir għall-proposti preżentati mill-Partit Nazzjonalista dwar it-tisħiħ fil-mod ta’ kif jaħdem il-Parlament Malti.

Fl-editorjal ta’ The Sunday Times of Malta jintqal kif il-Parlament huwa awtorità b’funzjoni importanti ħafna li jħares u jżomm lill-Gvern tal-ġurnata kotabbli għal għemilu.

L-editorjal iżid li issa wasal iż-żmien li jidħlu fis-seħħ numru ta’ riformi biex tissaħħaħ il-funzjoni tal-Parlament, speċjalment f’dan il-mument kruċjali fejn numru ta’ istituzzjonijiet tal-Gvern ġew mikxufa għad-dgħjufija tagħhom.

L-editorjal isemmi numru ta’ proposti li ressqet l-Oppożizzjoni għal dan il-għan, fosthom il-proposta li jiġi introdott ħin għal ‘Prime Ministers’ Question Time’ – proposta favur il-kontabbiltà u t-trasparenza saħansitra mill-Prim Ministru. B’The Times tgħid li Joseph Muscat ikun kritikat jekk ma jappoġġjax din il-proposta.

Proposta oħra tal-Oppożizzjoni mfaħħra mill-editorjal ta’ The Times hija l-proposta għat-twaqqif ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, kif ukoll il-proposta li jitwaqqaf Kumitat bl-iskop li l-aktar pożizzjonijiet importanti tal-pajjiż, bħall-Kummissarju tal-Pulizija, jgħaddu minnu.

L-Oppożizzjoni ġiet imfaħħra wkoll għall-impenn tagħha li tipparteċipa fil-Konvenzjoni dwar ir-riforma fil-Kostituzzjoni.

Imma l-editorjal ta’ The Times jfaħħar proposti oħra li wkoll huma importanti għall-ħidma Parlamentari, fosthom li jiddaħħlu numru ta’ miżuri ‘family-friendly’, aktar ħin għal diskussjonijiet dwar Private Members’ Bills u aktar għodda għar-riċerka.

L-editorjal ta’ The Times itemm jgħid li dawn il-proposti juru li l-Partit Nazzjonalista għadu b’saħħtu minkejja t-telfa elettorali, u li dawn il-proposti għandhom mhux biss jiġu diskussi, iżda rfinati u eventwalment addottati.