Futbol Sport

PSG jirbħu s-Super Cup Franċiża

Il-plejers ta' Paris Saint Germain jiċċelebraw wara li għelbu lil Monaco 2-1

Paris Saint Germain rebħu s-Super Cup Franċiża għas-seba’ darba wara li għelbu lil Monaco 2-1. Dan kien il-ħames suċċess ta’ PSG f’din il-kompetizzjoni u t-tieni wieħed taħt it-tmexxija tal-kowċ Unai Emery.

Minkejja li biegħu lil Bakayoko, Benjamin Mendy u Bernardo Silva, iċ-Champions Franċiżi kellhom prestazzjoni tajba u urew lir-rivali tagħhom li għadhom kompetittivi u se jkunu lest jibdew jiddefendu l-kampjonat li jibda fl-4 ta’ Awwissu.

Kienu Monaco li fetħu l-iskor man-nofs siegħa logħob, meta Fabinho ħa vantaġġ minn passaġġ ħażin ta’ Thiago Motta, u f’azzjoni maħduma veloċi, il-ballun spiċċa għand Djibril Sidibe li avvanza u qabbeż Alphonse Areola.

PSG ġabu d-draw fil-51 minuta. Kien l-akkwist il-ġdid Dani Alves li bi ġmiel ta’ free-kick ħalla lil Danijel Subasic iħares. Il-Brażiljan kien ukoll involut fil-gowl tar-rebħa meta fit-62 minuta, krossja mil-lemin fil-kaxxa fejn sab lil Adrien Rabiot li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Subasic.

Fl-aħħar minuti, Falcao kien qrib li jġib id-draw filwaqt li appellaw ukoll għal penalty wara li Rabiot deher imiss il-ballun b’idu.